Din is-sena la kellna fatalità u lanqas inċidenti gravi fuq il-baħar, b’rabta ma’ operat fuq id-dgħajjes fost oħrajn.
Hekk spjega d-Direttur fid-Direttorat tal-Infurzar, is-Sur Patrick Pollacco hekk kif ta rendikont dwar l-attività li kien hemm fuq il-baħar matul il-btajjel tas-sajf.
Is-Sur Pollacco spjega żewġ episodji matul dan is-sajf, fejn l-awtorità kellha tintervjeni biex tiġi assigurata l-ħajja, kemm għas-sidien tal-opri tal-baħar u l-għawwiema, kif ukoll għal speċi li jinqabdu fi xbieki.
Huwa qal, “Għaddasa barranija ħadha l-kurrent fil-fliegu bejn iċ-Ċirkewwa u Kemmuna. Intervjenejna u ġiet salvata ħajja, qed ngħidlek każ wieħed. Ma niqfux hemm, m’hemmx għal fejn ikunu bnedmin. Saħansitra kellna każi tal-fkieren, li kienu f’diffikultà, jew ċemplu n-nies u morna aħna.”
Huwa spjega li fl-aħħar snin, anke permezz tal-kampanja ‘Il-Baħar Ingawduh Flimkien’, l-għawwiema saru aktar konxji tal-importanza li ma jgħumux ’il barra miż-żona iddedikata għalihom.
Is-Sur Pollacco spjega li matul din is-sena sar investiment kbir f’din l-awtorità fejn żdiedu l-flotta tar-rhibs, sar taħriġ estensiv lill-uffiċjali u anke sar eżerċizzju ma’ entatijiet oħra biex ikompli jissaħħaħ is-sigurtà fuq il-baħar.
Id-Direttur qal li anke minħabba l-pandemija, ħafna nies għażlu li jqattgħu iktar ħin fil-baħar u għalhekk kien jeħtieġ li l-awtorità tagħmel aktar spezzjonijet biex kulħadd ikun prudenti fuq il-baħar.
Huwa sostna: “Din is-sena saru kważi elfejn u sebaʼ mitt spezzjoni. Kważi sebgħin fil-mija minnhom kienu f’ordni, u huwa ta’ sodisfazzjon għalina li nsibu li persentaġġ għoli ta’ dgħajjes u sewwieqa ikunu konformi mal-liġijiet.”