Il-parti l-kbira tal-ħaddiema f’pajjiżna tennew li huma sodisfatti.
Tixhed dan analiżi tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, li fiha jirriżulta li ħamsa u sebgħin fil-mija tal-ħaddiema huma sodisfatti ħafna, ftit iktar minn 23% huma xi ftit jew wisq sodisfatti, u huma biss 1.5% dawk li qalu li mhumiex sodisfatti.
Din l-istatistika, li tħares b’mod partikolari lejn dawk li jaħdmu għal rashom tinnota kif fl-2017, in-numru ta’ persuni jaħdmu għal rashom kien ta’ 33,648. Ħaddiema li b’mod ġenerali kienu iktar sodisfatti b’xogħolhom minn persuni impjegati.
Ftit iktar minn 10,800 minn dawn, iġifieri madwar terz minnhom, kellhom magħhom xi impjegati.
U 23% tal-persuni jaħdmu għal rashom kienu qed jikkunsidraw iħaddmu lil xi ħadd ieħor magħhom, fuq bażi permanenti jew temporanja.
L-istatistika tistma li persuni full-time self-employed jaħdmu mejda ta’ kważi sitta u erbgħin siegħa u nofs fil-ġimgħa, filwaqt li dawk li jaħdmu għal rashom part-time jaħdmu kważi erbgħa u għoxrin siegħa u nofs fil-ġimgħa.
Kważi 27% ta’ dawk li jaħdmu għal rashom kienu ħaddiema fis-settur tas-servizzi u l-bejgħ, 22.5% fi snajja’ u negozju relatat, u 14.6% kienu managers.
Irriżulta li wieħed minn kull erba’ persuni li jaħdmu għal rashom, jaħdmu f’network ma’ persuni oħra self-employed, jew inkella flimkien ma’ persuna oħra sid tan-negozju magħhom.
Iktar minn 11,000 persuna li taħdem għal rasha stqarru li għażlu din it-triq hekk kif ġiethom opportunità tajba, mas-6,600 qalu li dan kien pass naturali fil-qasam tagħhom, u kważi 6,600 oħra qalu li b’din l-għażla professjonali komplew negozju tal-familja.
Il-maġġoranza assoluta ta’ dawk li jaħdmu għal rashom – ftit iktar minn sitta u tmenin fil-mija – ma kinux lesti jibdlu l-istat professjonali tagħhom, u 75% minnhom sostnew li huma sodisfatti ħafna, bi 19% oħra jgħidu li huma sodisfatti.
77% ta’ dak li jaħdmu għal rashom kienu rġiel, u l-età medja għal persuni self-employed kienet ta’ 44 sena.