L-Awtorità tal-Ippjanar tat il-permess li se jwassal biex parti mill-Maċina f’Senglea tinbidel f’Guest House.
Deċiżjoni li ttieħdet tul il-jum tal-Ħamis u li se twassal biex il-maċina, il-post li xi darba serva bħala il-kwartieri tal-Partit Laburista, tkun riġenerata b’mod li tinbidel f’attrazzjoni kulturali u turistika.
Il-Guest House fil-Maċina se jkollha għoxrin kamra, tmienja fis-sular t’isfel u tnax fis-sular ta’ fuq kif ukoll restorant u kafetterija fis-sular t’isfel, u restorant ieħor fit-tielet sular li se jkollu wkoll pixxina żgħira.
Fl-istess waqt se toffri spazji għal esebizzjonijiet u faċilitajiet għal konferenzi.
Għaldaqstant, l-approvazzjoni tal-proġett tikkumplimenta l-viżjoni tal-Gvern, dik li jkun irriġenerat in-nofsinhar ta’ Malta.
Il-maċina kien il-post fejn kienu jitwaħħlu l-arbli tal-vapur. Taħt l-Ingliżi ġiet modernizzata u kien fil-bidu tas-seklu għoxrin li żżarmat u minflokha beda jintuża makkinarju ġdid.
Minbarra l-kwartieri tal-Partit Laburista, kien il-post li kien jintuża bħala l-uffiċċju tal-Ammiraljat u l-iskola tas-Snajja.
Ix-xogħol diġa beda tant li min jgħaddi minn ħdejn il-maċina jinnota d-dehra ġdida li għandha wara xogħol ta’ restawrazzjoni.
Il-pass li jmiss hu li l-bidla ssir ukoll minn ġewwa sabiex il-pubbliku u t-turisti jgawdu minn post li kien ta’ sehem għall-istorja ta’ pajjiżna.