Dak li xi darba serva bħala l-kwartieri tal-Partit Laburista, l-Maċina, qed jiġi restawrat u rinnovat biex jieħu l-ħajja mill-ġdid u jerġa’ jikseb il-passat glorjuż li kellu tul is-sekli biex jilqa’ fih lukanda esklussiva Cugò Gran. Il-lukanda se tkun qed tiftaħ il-bibien tagħha fis-sajf tal-2017 u se titmexxa mill-IBB Hotel Collection.
Din se tkun qed toffri ambjent ta’ lussu modern b’veduti uniċi tal-Port il-Kbir. Għal sekli sħaħ, minn meta nbena fl-1554 fi żmien il-Gran Mastru Claude de la Sengle, dan ix-Sheer Bastion, kif kien jissejjaħ fi żmien l-Ingliżi, kien wieħed mill-aktar postijiet emblematiċi fil-Port il-Kbir.
L-isem “Maċina” ħareġ mill-kelma “macchina”, kif dan il-bastjun kien jissejjaħ fi żmien il-Kavallieri, peress li fuqu kien hemm krejn li kien jintuża biex jitwaħħlu u jinqalgħu l-arbli twal tal-bastimenti, kif ukoll biex tinħatt u titgħabba merkanzija tqila.
Bi sfond ta’ fortizza bi swar storiċi mħallat ma’ interior design b’karatteristiċi raffinati u ta’ lussu, il- Cugó Gran se tkun tassew lukanda b’differenza. Se toffri 21 suite li jvarjaw minn 40 metru kwadru sa daqs ta’ 130 metru kwadru, kollha kemm huma bil-veduti tal-marina u tal-Port il-Kbir.
Is-suites huma mfassla bil-ħsieb li jilqgħu lill-vjaġġatur esiġenti, u għalhekk huma mgħammra bil-kumditajiet kollha, fosthom b’banjijiet wiesgħin u walk-in showers, li jagħmlu btala mill-aktar aktar pjaċevoli f’post storiku b’ambjent lussuż. Id-disinn jibbilanċja b’mod sabiħ dak li hu tassew antik u ta’ valur storiku ma’ materjali ġodda, naturali u tradizzjonali fuq linji moderni.
B’ żoni komunali spazjużi, soqfa għoljin u bl-arkati, u b’abbundanza ta’ dawl naturali, id-disinn bi stil minimalist kien biżżejjed biex jinħoloq ambjent lussuż. Il-lukanda se toffri ukoll lill-mistednin pixxina li tinsab ppożizzjonata bl-aktar mod diskret fuq il-bejt tal-bini anness, u kompluta b’ terrazzin li joffri veduti mill-isbaħ tal-Birgu u Bormla.
Il-lukanda se toffri wkoll bistro, bar u kafetterija, kif ukoll boardroom għal 15-il persuna għall-konferenzi żgħar. It-terrazzin fuq l-ogħla bejt tal-lukanda qed ikun konvertit għal avvenimenti li jilqgħu sa 1,000 persuna. B’veduta li testendi mit-Tlett Ibliet sal-Belt Valletta, dan it-terrazzin se jkun ideali għal tiġijiet u avvenimenti ta’ kumpaniji.