Madwar il-Maċedonja ta’ Fuq qed jiddominaw diversi bnadar li qed jittajru mezz’asta, meta l-pajjiż jinsab taħt xokk u f’konfużjoni sħiħa dwar l-inċident b’xarabank fil-pajjiż ġar il-Bulgarija li kkawża l-mewt ta’ sitta u erbgħin persuna.
Kważi l-vittmi kollha kienu ċittadini tal-Maċedonja ta’ Fuq; pajjiż b’popolazzjoni ta’ ftit aktar minn żewġ miljun persuna.
Il-Gvern iddikjara tlett ijiem ta’ luttu nazzjonali sakemm il-poplu jirkupra minn din it-traġedja fl-istess waqt li ssir investigazzjoni biex ikun mifhum kif mawra ta jumejn f’Istanbul inbidlet f’waħda mill-ikbar traġedji li qatt esperjenza dan in-nazzjon żgħir.