Fl-isfond tal-gwerra qalila li għaddejja bejn l-Iżraeljani u l-grupp Militanti tal-Hamas, li qed tħalli eluf ta’ persuni innoċenti mejta fuq il-medda ta’ Gaza u n-Nofsinhar tal-Iżrael, iċ-Chairman tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, Glenn Bedingfield tenna li l-Palestina għandha tingħata l-għajnuna umanitarja li għandha bżonn.
Waqt il-programm ‘Mill-Kamra’ mxandar fuq l-istazzjon nazzjonali, Bedingfield qal li l-Hamas ma tirrappreżentax lill-Palestinjani kollha u bħalissa għaddejjin minn battalja kontinwa avolja mill-banda l-oħra l-iżrael għandha d-dritt li tiddefendi lil art twelidha.
Għalhekk fl-aħħar jiem kiteb lill-Ambaxxatur Iżraeljan biex iħalli l-għajnuna umanitarja tidħol għand il-poplu Palestinjan, irrispettivament minn dak li qed jiġri.
“Din il-ġimgħa stess ktibt ittra lill-Ambaxxatur Iżraeljan għal Malta fejn tlabtu biex l-inqas ħaġa li jista’ jagħmel l-Iżrael hu li jħalli l-għajnuna umanitarja tasal għand il-Poplu Palestinjan.
Glenn Bedingfield – Chairman Kumitat għall-Affarjiet Barranin
Il-Membru Parlamentari spjega li l-Unjoni Ewropea tista’ taħdem iktar favur il-paċi u l-ftehim fil-Lvant Nofsani, u kien għalhekk li kiteb lill-Presidenza Spanjola tal-Unjoni Ewropea biex fil-laqgħa li jmiss tal-Kumitati tal-Affarijiet Barranin tal-Parlamenti Ewropej, din l-affari tkun fuq nett tal-aġenda.
“Jiena ħassejt li għandi nikteb lill-Presidenza Spanjola biex it-tema tal-Lvant Nofsani tkun diskussa fuq livell Ewropew u tingħata iktar importanza għax il-Lvant Nofsani huwa l-ġar tagħna u dak li jiġri fil-pajjiżi li huma ġirien u dak li jiġri fil-Mediterran lilna jolqotna direttament u naħseb li għandna niddiskutuh iktar fil-fora Ewropea u nagħmlu pressjoni ħalli x-xewqa tagħna hija li d-diplomazija tirbaħ.”
Glenn Bedingfield – Chairman Kumitat għall-Affarjiet Barranin