Dik li sa sitt xhur ilu kienet patrimonju kulturali Malti f’riskju li tintilef, issa ġiet restawrata u ngħatat lura l-glorja li jixirqilha.
B’investiment ta’ €100,000 fondi tal-Gvern ċentrali, sar intervent kruċjali fuq is-swar tal-Lunetta ta’ San Franġisk fil-Floriana.
Bi storja li tmur lura għas-seklu sbatax, dawn is-swar jifformaw parti mill-fortifikazzjonijiet tal-Port il-Kbir li nbnew mill-Kavallieri.
Il-Perit tal-proġett Mark Azzopardi nnota li qabel ma sar l-intervent, kien hemm sitwazzjoni prekarja, u issa s-swar reġgħu lura għall-istat oriġinali tagħhom.
Azzopardi stqarr: “Kien hemm ħafna ħsara, partijiet mill-ħitan kienu qed jiġġarrfu għax fl-aħħar mill-aħħar tidħol xita fil-ħitan u timbotta l-ġebel għalkemm blokok kbar waqgħu wkoll u l-intervent tagħna kien biex nerġgħu nibnu l-partijiet li kienu waqgħu plus li nintervjentu fl-aspett ta’ restawr bħall-fili u interventi oħra assoċjati ma’ restawr.”
Il-Ministru għall-Kultura Owen Bonnici spjega li l-erba’ faċċati tas-swar kienu kollha mittiekla u saħansitra anki waqa’ xi ġebel, għaldaqstant l-intervent tad-Direttorat tar-Restawr kien kruċjali biex jiġi salvat dan il-patrimonju kulturali.
Il-Ministru Bonnici sostna: “Kieku ma kienx hemm l-intervent tad-Direttorat tar-Restawr, probabbli qed nitkelmu dwar sit patrimonjali li tlifnih. Filfatt aħna intervjenajna u fi proġett li dam bejn wieħed u ieħor sitt xhur minn Mejju sal-lum stajna nsalvaw din il-Lunetta.”
Is-Segretarji Parlamentari Silvio Parnis u Deo Debattista saħqu li s-swar ta’ Malta jidentifikaw lil pajjiżna, u għaldaqstant il-Gvern għandu l-obbligu li jieħu ħsiebhom u jħallihom lil ta’ warajna.