It-Tlieta filgħodu, mijiet imlew il-knisja Parrokkjali ta’ San Publiju fil-Furjana biex jagħtu l-aħħar tislima lil Mark Piscopo magħruf aħjar bħala l-Lullu.
Piscopo, raġel deskritt minn dawk kollha midħla tal-futbol lokali bħala ċajtier, kien il-kit manager tat-Tim Nazzjonali Malti A, liema rwol baqa’ jokkupaħ sal-aħħar ġranet. Huwa miet nhar il-Ġimgħa li għadda.
Mat-tħabbira tal-mewt ta’ Mark Piscopo, kienu bosta li fuq il-midja soċjali wrew s-sogħba tagħhom għal din l-aħbar fosthom plejers u eks plejers tat-tim nazzjonali Malti, kowċis u eks kowċis kif ukoll numru kbir ta’ amministraturi ta’ diversi klabbs kif ukoll partitarji.
Il-Lullu kien maħbub minn bosta sportivi ewlenin fosthom dawk midħla tal-futbol lokali, partikolarment dawk li kienu jew għadhom jaħdmu fl-MFA.
Fil-Knisja ddominaw plejers u eks plejer tat-tim nazzjonali, ilkoll lebsin il-kit. Kien hemm ukoll numru ta’ blalen tal-futbol iffirmati.
Fl-Omelija, l-Arċipriet tal-Parroċċa, il-Kanonku Charles Cini qal li qed tingħata tislima xierqa lil ħajja li ħasdet lil kulħadd meta ntemmet.
“Min qatt, xahrejn ilu, kellu jobsor li jiġri dak li ġara? Ħadd.”, qal l-Arċipriet, filwaqt li fakkar kemm il-ħajja hija qasira.
Huwa ddeskriva lil Mark bħala raġel tal-familja, li jħobb lill-Furjana u lil Malta.
Qal li fost dawk li qed iġarrbu mill-qrib din it-telfa hemm martu Rita, ibnu Matteo, ommu, ħutu u l-futbol Malti.
“Mark qed nistħajlu jgħidilna kemm il-ħajja tispiċċa fix-xejn u malajr”, qal l-Arċipriet f’mument li emozzjona lil dawk li fawru l-knisja tal-Furjana.
L-Arċipriet qal ukoll li l-memorja ta’ Mark se tibqa’ ħajja fi statwa li xtaq jagħmel għall-festa tal-Furjana, hekk kif din se ssir fiż-żmien li ġej.
“It-tifkira tiegħek mhu se ninsewha qatt”, temm jgħid fl-omelija tiegħu l-Kanonku Charles Cini.