Nistgħu ngħidu li kważi kważi Malta m’għadx fadal staġun tas-sajf u xitwa fejn jidħol turiżmu.
Stqarr dan il-President tal-Assoċjazzjoni għal-Lukandi u r-Ristoranti Tony Zahra f’kummenti ma’ ONE News b’reazzjoi għal tmiem il-ġimgħa mill-aqwa li kellhom bosta lukandiera u sidien ta’ ristoranti fil-gżejjer Maltin.
Zahra qal “Wasalna f’dak li ilna nippruvaw nagħmlu ħafna, fejn l-istaġun ma jkunx tas-sajf jew tax-xitwa imma jkun more or less l-istess il-ħin kollu.”Is-Sur Zahra spjega kif it-tmiem il-ġimgħa li għadda li matul ġiet iċċelebrata l-festa tal-Għid il-Kbir, kien wieħed tajjeb għall-istabilimenti li jirrapreżenta, saħansitra aħjar mis-snin ta’ qabel: b’lukandi sejrin tajjeb ħafna, u ristoranti li kienu bbukkjati kontinwament – partikolarment il-Ħadd.
Fost ir-raġunijiet għal dan, hemm it-temp li ppermetta, u żieda b’saħħitha fin-numru ta’ turisti, imma mhux biss.
Minn naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni għat-Turiżmu Għawdxija, is-Sur Joe Muscat, tenna li l-Ġimgħa Mqaddsa f’Għawdex kienet mill-aqwa, b’diversi stabilimenti kienu mimlijin.
Dan anke grazzi għal programm kulturali b’saħħtu bl-isem ta’ Arti, Fidi u Tradizzjoni.
Sostna li issa tibda rankatura iktar b’saħħitha għas-sajf, fejn spjega li April u Mejju jidhru xhur promettenti ħafna meta mqabbla mas-snin ta’ qabel.
Muscat qal “U jidher ukoll din is-sena se tkun promising ħafna għas-settur turistiku f’Għdex, u dan il-feeling qegħdin inġibuh mill-bookings li qed nirċievu bħalissa mill-klijenti barranin din id-darba, mhux mill-Maltin.”
Biex b’hekk, wara Ġimgħa Mqaddsa mill-aqwa, l-istabilimenti kollha jinstabu preparati għal iżjed xhur impenjattivi.