Hekk kif ninsabu fuq l-għatba tas-sena l-ġdida, żorna lukanda ewlenija f’San Ġiljan, biex nitkellmu ma’ kok, dwar il-preparamenti għall-ikliet tal-ewwel tas-sena u lejlietha.
Proprju mill-kċina minn fejn joħorġu dawn il-platti, huwa spjegalna kif għal dawn iż-żewġ avvenimenti, hemm pjanijiet differenti biex jintlaqtu l-gosti ta’ kulħadd.
Qal, “Għandna żewġ ristoranti. Jinqasam fi tnejn. Għandna wieħed minnhom b’set menu, sitt platti differenti, minn veġetarjan, ħut, u laħam, imbagħad ristorant minnhom ħa nagħmlu qisu festin, fingerfood, open bar, biex inkunu aktar versatili u nolqtu kemm jista’ jkun il-gosti ta’ kulħadd.”
Huwa spjega li dawn l-avvenimenti qed isiru wkoll, anke fid-dawl li l-lukanda tinsab mimlija bit-turisti, minkejja l-istaġun li ninsabu fih.
Stqarr, “Il-lukanda hija żgħira, allura, għalina tmenin ruħ huwa ħafna, għaliex huwa l-massimu li nistgħu nieħdu fiż-żewġ ristoranti. Il-preparamenti jibdew minn ħafna qabel, il-ħsieb tal-menu, minn fejn se nixtru l-affarijiet, tibda minn żmien qabel biex toħroġ l-aħjar prodott possibli. Il-lukanda hija mimlija wkoll.”
Tkellem magħna dwar kif il-preparamenti għal dan iż-żmien ta’ festi, jibdew mix-xhur tas-Sajf.
Qal, “Wara li jgħaddi s-Sajf, nibdew naħsbu għall-Milied, jiġifieri nitkellmu bejnietna t-tim kollu, nieħu l-ideat ta’ kulħadd, imbagħad inpoġġu bilqegħda u ngħaqqdu l-menu kollha flimkien. Ovvjament trid tuża dak l-ingredjent li huwa sinonimu mal-Milied, eżempju d-dundjan. Fl-ewwel tas-sena, tkun tista’ tilgħab naqra aktar.”
It-tim ta’ kokijiet f’din il-lukanda, ħasbu wkoll sabiex jinkorporaw element Malti, din is-sena permezz tal-fenek, fost l-oħrajn.
Stqarr, “Din is-sena daħħalna element naqra Malti. Daħħalna l-fenek, għaġin bil-fenek, biex qisna xorta daħħalna l-Malta. Qisek bilfors trid tuża l-beef fillet għax huwa oġġett ta’ ċertu valur u n-nies jieħdu pjaċir bih ħafna, speċjalment il-Maltin.”
Dan filwaqt li għall-ewwel tas-sena, il-pjan huwa ta’ ikla, aktar b’element familjari u ta’ ġabra.
Tenna, “Fl-ewwel tas-sena nagħmlu, xi ħaġa differenti, qisu Sunday Roast. Kollox qisu to share, biex ikun hemm l-element ta’ familja u dak li jkun, ikollu mejda kbira u jkun qisu qed jiekol id-dar.”