Il-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar, li se jsir bejn l-aħħar ta’ dan ix-xahar u l-bidu ta’ Ġunju, se jkun qed jixxandar ukoll fuq l-istazzjon ONE.
F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru responsabbli mill-Isport, Clifton Grima, qal li ntlaħaq qbil biex ix-Xandir Nazzjonali jikkoordina x-xandiriet bejn it-tliet stazzjonijiet il-kbar, li flimkien se jpoġġu r-riżorsi tagħhom biex ikunu jistgħu jwasslu l-logħob għand in-nies.
Il-Ministru Grima sostna li dan il-Logħob huwa tal-atleti u l-isportivi daqskemm huwa tal-poplu u b’hekk sostna fuq l-importanza ta’ dan il-ftehim.
Il-pubbliku se jkun jista’ jmur jara l-Logħob fil-faċilitajiet sportivi fejn se jsir il-logħob, iżda waqt il-logħob se jkun hemm trażmissjonijiet oħrajn marbuta ma’ kull kompetizzjoni.
Fost dawn se jixxandru intervisti tekniċi, intervisti mal-atleti u wkoll l-għoti tal-medalji lir-rebbieħa.
Il-ministru Clifton Grima qal “Nagħtu l-appell tagħna lill-pubbliku Malti sabiex imur fil-faċilitajiet sportivi, ħafna minnhom ġodda u wħud minnhom irrinnovati, sabiex jagħti s-sapport tiegħu lill-ambaxxaturi tagħna.”
Intqal li fit-tnax ta’ Mejju se jkun qed jitħabbar il-kontinġent Malti f’dan il-logħob. Il-Kap Eżekuttiv ta’ Sport Malta, Mark Cutajar, tkellem dwar li l-aħħar preparamenti, li għaddejjin bħalissa.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Sport Malta qal “Issa qed noqorbu lejn l-aħħar tliet ġimgħat. Il-preparazzjonijiet huma kollha għaddejjin b’ritmu mgħaġġel: akkomodazzjoni, sigurtà, saħħa. Se jibda wkoll ix-xogħol, beda x-xogħol diġà, fuq il-Fosos biex tintrama l-infrastruttura għaċ-ċerimonja tal-ftuħ.”
Iċ-ċerimonja tal-ftuħ se ssir fid-29 ta’ Mejju fid-8:45 ta’ filgħaxija fuq il-Fosos tal-Furjana.