Stennija kbira għad-19-il edizzjoni tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-Ewropa li se ssir f’pajjiżna bejn id-29 ta’ Mejju u t-3 ta’ Ġunju. Id-19-il edizzjoni ta’ dan il-logħob suppost kellha ssir fl-2021 f’Andorra iżda kollox kien tħassar minħabba l-pandemija. Għaldaqstant l-edizzjoni li se ssir f’Malta se tara r-ritorn ta’ dan l-avveniment wara assenza ta’ erba’ snin.
Il-logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-Ewropa huwa avveniment sportiv miftuħ għall-pajjiżi ewropej b’popolazzjoni ta’ anqas minn miljun ruħ. Isir kull sentejn u fih jieħdu sehem disa’ pajjiżi.
Twaqqaf fil-bidu tas-snin tmenin fuq inizjattiva tal-ex segretarju ġenerali tal-Kumitat Olimpiku Malti Bertie Muscat. L-ewwel edizzjoni saret fl-1985 f’San Marino.
Oriġinarjament il-pajjiżi parteċipanti kienu tmienja: Andorra, Ċipru, Iżlanda, Liechtenstein, Lussemburgu, Monaco, San Marino u Malta. Fl-2009 żdied il-Montenegro. Il-Gżejjer Faroe ukoll qed jippruvaw jieħdu sehem f’dan il-logħob, biss peress li ma humiex stat indipendenti għad ma għandhomx rikonoxximent mill-Kumitat Olimpiku Internazzjonali.
Ħarsa lejn il-parteċipazzjoni maltija f’dan il-logħob tul dawn l-aħħar 38 sena. Fl-ewwel edizzjoni f’San Marino fl-1985, Malta kienet rebħet midalja tal-bronż fil-Basketball tal-Irġiel. Sentejn wara f’Monaco Malta rebħet sitt midalji: erba’ bronż, waħda fidda u l-ewwel midalja tad-deheb permezz ta’ Helen Asciak u Carol Curmi fid-doppji tat-tennis.
It-team tal-Basketball tal-Irġiel rebbieħ tal-bronż fl-ewwel edizzjoni tal-1985
Helen Asciak u Carol Curmi rebbieħa tal-ewwel midalja tad-deheb fil-GSSE fl-1987
L-akbar qabża fl-ammont ta’ midalji mirbuħa kienet fl-1993, l-ewwel darba li dan il-logħob sar f’Malta. F’dik l-edizzjoni l-atleti tagħna rebħu total ta’ 32 midalja: 4 deheb, 7 fidda u 21 bronż. Konna spiċċajna fir-raba post tal-klassifika. Wara sensiela ta’ riżultati mħallta, Malta reġgħet ospitat il-logħob fl-2003 u anke f’dik l-edizzjoni kellna suċċess kbir. L-atleti maltin rebħu l-ikbar ammont ta’ midalji qatt mirbuħa sal-ġurnata tal-lum. Total ta’ 44 midalja: 11 deheb, 18 fidda u 15 bronż. Għal darb’oħra Malta ikklassifikat fir-raba’ post.
It-tieni l-aħjar riżultat miksub kien f’Liechtenstein fl-2011. Malta kienet rebħet total ta’ 29 midalja: 8 deheb, 12 fidda u 9 bronż. Konna ikklassifikajna wkoll fir-raba’ post. Dak tal-2011 f’Liechtenstein huwa l-aħjar riżultat qatt miksub minn Malta fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar barra minn xtutna.
Il-logo tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar
Għall-edizzjoni li jmiss Malta se tkun qed timmira li tikteb l-istorja minn kemm ilha tipparteċipa f’dan il-logħob. Dik li niksbu l-akbar numru ta’ midalji qatt mirbuħa u l-aħjar pożizzjoni fil-klassifika. Team malti li se jkun qed jikkompeti bl-akbar kontinġent fl-istorja. Kontinġent ta’ 214 -il atleta u 122 uffiċjal. Dak malti se jkun ukoll l-akbar kontinġent f’din l-edizzjoni tal-logħob hekk kif it-tieni l-akbar kontinġent se jkun dak ta’ Ċipru b’188 atleta. L-iżgħar kontinġent f’dan il-logħob se jkun ta’ Liechtenstein bi 19-il atleta.