Permezz tal-isport u tal-inklussività, il-logħob tal-Ispecial Olympics, li se jibda fi tmien din il-ġimgħa, se juri lid-dinja l-għaqda li teżisti f’Malta.
Qalet dan il-President tal-iSpecial Olympics Malta, Dr Lydia Abela, waqt forum dwar l-edukazzjoni li fetaħ l-attivitajiet uffiċjali b’rabta ma’ dan il-logħob.
F’dan il-forum, li sar f’lukanda f’San Ġiljan, ħadu sehem atleti li se jieħdu sehem f’din l-edizzjoni tal-iSpecial Olympics u anki diversi kowċis u individwi li qed jistudjaw biex isiru għalliema.
Mart il-Prim Ministru osservat li dan il-logħob se jagħti l-opportunità lil aktar minn elf atleta biex juru l-potenzjal tagħhom permezz tal-isport.
Qalet, “Soċjetà tkun inklussivà meta tagħti d-dritt li kulħadd ikollu l-opportunità fil-ħajja, li kulħadd jista’ jimxi ’l quddiem, hu min hu, ta’ liema twemmin hu, ta’ liema razza hu, għandu abilitajiet liema għandu. Kemm huwa importanti li kulħadd, kull persuna, kull atleta, kull tifla, kull tifel, kull mara, kull raġel ikollu dritt fil-ħajja li jimxi ’l quddiem.”
Il-President tal-iSpecial Olympics qalet lli, bħala parti mil-legat ta’ dan il-logħob, sar taħriġ ma’ diversi għalliema.
Spjegat kif dawn l-għalliema bdew iduru l-iskejjel, fejn tkellmu mal-studenti u dwar kif il-lezzjonijiet jistgħu jsiru aħjar sabiex ikun hemm aktar inklussività għal studenti b’diżabilità. Qalet li it-triq ’il quddiem hija li aktar għalliema jkollhom taħriġ fuq l-inklussività u fuq kif jistgħu jgħinu aħjar lil dawn l-istudenti.
Qalet, “Naraw, fl-iskejjel ta’ Malta u Għawdex, jekk it-tfal għandhomx bżonn illi jattendu korsijiet u dixxiplini ġewwa Special Olympics u staqsejna jekk humiex aware fil-programm li noffru bħala Special Olympics u allura nixtieq li minn dan il-logħob ikun hemm il-legat illi mit-tfal tagħna jkun hemm il-legat li l-atleti tagħna jkunu qed jibbenefikaw mis-servizzi li toffri Special Olympics Malta.”
Dr Lydia Abela qalet li dawn it-tfal huma l-futur tas-soċjetà, u b’hekk tinbena soċjetà aħjar.
Intant, f’messaġġ virtwali, il-President tal-iSpecial Olympics tal-Ewropa, David Evangelista, irringrazzja lill-gvern Malti talli se jospita dan il-logħob. Huwa qal li, permezz ta’ dan il-logħob, se tintwera s-saħħa tal-inklussività fis-soċjetà.