L-Assoċjazzjoni Għawdxija tal-Futbol ingħatat €150,000 f’għajnuna finanzjarja mill-Ministeru għal Għawdex sabiex għall-ewwel darba l-Assoċjazzjoni tibda xxandar il-logħob b’live streaming. Dan hekk kif kawża tal-pandemija l-logħob ta’ dan l-istaġun għadhom qed jintlagħbu wara l-bibien magħluqa.
Dan il-ftehim se jkun qed ifisser li l-partitarji tal-futbol Għawdxi se jkunu jistgħu jsegwu l-logħob kollu b’mod dirett. Dan filwaqt li se ssir kompetizzjoni għall-partitarji sabiex ibassru r-riżultati tal-logħbiet kollha tal-futbol Għawdxi biċ-ċans li jirbħu xi premijjiet.
Il-President tal-Assoċjazzjoni Għawdxija tal-Futbol Samuel Azzopardi qal li l-Assoċjazzjoni hija impenjata li tiżviluppa l-komunità tal-futbol f’Għawdex filwaqt li rringrazzja l-Gvern tal-għajnuna finanzjarja.
Huwa stqarr: “Minkejja li kien proġett li bdejnieh bħala proġett pilota propju min-nofs il-league li għadda, kif nafu fl-isfond tal-pandemja anke r-reklamar naqas u allura żgur li qatt ma kien ser ikun possibbli illi nagħmlu dan il-live streaming u li noffruh b’xejn.”
Il-Ministru Camilleri tenna li l-għan ta’ din l-inizjattiva huwa li jiżdied l-interess tal-partitarji, filwaqt li jikber l-ammont ta’ partitarji Għawdxin billi l-logħob tal-futbol f’Għawdex ikun iżjed aċċessibbli.
Huwa sostna: “Permezz ta’ dan is-servizz se nkunu qegħdin ukoll nuru l-partita kollha permezz tal-live streaming lil dawk kollha li huma interessati u dilettanti tal-futbol Għawdxi u din se toffri wkoll opportunità sabiex minkejja r-restrizzjonijiet, nibqgħu attivi u nibqgħu nsegwu l-logħbiet ġewwa Għawdex.”