Huwa żmien tista’ tgħid ideali biex wieħed jinvesti f’karriera jew studji avvanzati fil-qasam tal-logħob diġitali, li tul il-pandemija ra spinta ‘l quddiem fid-domanda mill-konsumatur minħabba li ħafna persuni kienu kostretti jibqgħu f’darhom.
F’kummenti ma’ ONE News id-Direttur tal-Istitut għal-Logħob Diġitali fl-Università ta’ Malta, il-Professur Giorgios Yannakakis, qal li għalkemm l-esperjenza fl-istitut innifsu fejn jidħol tagħlim u studju nbidlet, dan ma xekkel xejn it-tkabbir fir-riċerka u fis-settur f’dan iż-żmien. Fi kliem il-Professur, “the gaming industry thrived during the pandemic because people stayed indoors to play games with family and friends. We are looking at an industry that is thriving, at revenues that reached 10% of growth in 2020. We are looking at a medium that is virtual by nature, so there are so many opportunities still, and they are larger than before”.
Dan l-istitut, li twaqqaf fl-2013 u ta sehem fi proġetti anke internazzjonali ta’ riċerka u innovazzjoni fil-qasam, se jkompli jistudja l-possibiltajiet li tatu l-pandemija, għaliex fi kliem il-Professur, il-ħidma biex is-settur ikompli jikber u jissaħħaħ, u biex aktar persuni jinvestu fih u jagħmlu karriera minnu, żdiedet.
Il-Professur Yannakakis qal li għalkemm il-pandemija Covid-19 kienet sfida għal kulħadd, il-ħidma f’dan il-qasam, sew jekk hux f’riċerka jew fl-industrija stess, ma waqfet xejn, anzi żdiedet.
Dan is-sentiment qasmu magħna wkoll is-Segretarju Parlamentari għall-Ekonomija Diġitali Clayton Bartolo, li tenna l-impenn tal-Gvern li dan il-qasam jibqa’ jipprovdi xogħlijiet siguri għaċ-ċittadini.
Bartolo qal li l-Gvern se jkompli jsaħħaħ is-settur diġitali fl-ekonomija għaliex “se jgħinna niddiversifikaw l-ekonomija tal-pajjiż, u fl-istess waqt noħolqu aktar opportunitajiet ta’ xogħol f’postijiet siguri li jifilħu għal shocks esterni bħal ma hija l-Covid-19. L-aspett diġitali kollu kemm hu rridu nkomplu nsaħħuħ biex niddiversifikaw l-ekonomija tagħna”, temm jgħid is-Segretarju Parlamentari.