Il-logħba bejn Mosta u Pembroke fl-aħħar jum tal-kampjonat Malti qiegħda tkun ivestigata mill-pulizija. Ikkonferma dan ma’ ONE NEWS Franz Tabone, l-integrity officer tal-Malta Football Association. Din il-logħba tal-futbol Malti spiċċat ukoll fil-midja Taljana f’raport b’rabta ma’ allegazzjonijiet ta’ tixħim fil-futbol.
Jingħad li fil-jum tal-Ħamis, 28 ta’ April, meta kienet qed tintlagħab din il-logħba għadda messaġġ fuq whats app li l-logħba kienet se tispiċċa b’erba’ gowls skorjati.
Imbagħad qed ikun allegat li bil-Mosta tnejn b’xejn minn fuq, għadda messaġġ ieħor. Din id-darba ntqal li Pembroke kienu se jiskorjaw ħames gowls. Kif fil-fatt ġara.
La Stampa tgħid hekk: “Kien hemm il-ferħ tat-tim li rebaħ. Iżda fuq kollox il-ferħ ta’ dawk (ħafna) li lagħbu l-imħatri u qatgħu l-iskor.”
Jirriżulta li anke s-sistema ta’ sports radar li għandha l-MFA indikat li kien hemm ċerti xejriet f’dawk li huma mħatri u kien għalhekk li għaddiet il-każ lill-pulizija. “Peró betting patterns jistgħu jfissru u jistgħu ma jfissru xejn,” qal Tabone li għandu esperjenza twila f’dan il-qasam.
Ikkuntatjat minn ONE NEWS il-President ta’ Mosta FC George Galea sostna li jekk hemm xi ħaġa hu żgur li ma jafx biha.
“Aħna il-klabb żgur li m’għandux x’jaqsam f’din l-istorja. Jekk kien hemm xi involviment kien hemm nies minn barra. Aħna l-aħħar logħba lagħbna l-minors biex intuhom iċ-ċans,” qal George Galea.
Intant, La Stampa tfakkar li fit-tim ta’ Mosta hemm involut Adrian Farrugia, ħu Robert Farrugia li diġa’ ssemma f’investigazzjonijiet oħra. Bil-Prokura ta’ Catanzaro tallega li huwa wieħed minn dawk involuti fl-irranġar ta’ logħob f’livell ta’ Lega Pro fl-Italja.
Ir-rapport ta’ La Stampa jkompli jgħid kif il-problema hija mifruxa mal-Ewropa kollha u jistħarreġ dwar pajjiżi oħra.