Ġiet irrestawrata l-Loġġa tal-Palju tar-Rabat, binja assoċjata mill-qrib mal-festa tal-Imnarja, li se ssir għada.
Fil-fatt, il-festa tal-Imnarja tibda bil-qari tal-bandu fis-Saqqajja u barra l-Wirja Agrikola fil-Buskett ikun hemm it-tiġrijiet tal-bejjem taħt is-Saqqajja.
Dawn it-tiġrijiet huma parti importanti mill-festa tal-Imnarja u kien jiġi l-Granmastru biex isegwihom. Kien għall-kumdità tal-Granmastru li nbniet il-loġġa.
Il-Proġett kien inawgurat mill-Minsitru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici, fil-preżenza ta’ uffiċjali u ħaddiema tad-direttorat tar-restawr.
Kien spjegat li l-Loġġa tal-Palju saritilha ħsara kawża tal-umdità, li tiġi sew mill-art kif ukoll mit-triq. Kien hemm ukoll problemi fis-saqaf minħabba l-ilma tax-xita.
Il-Loġġa sfat fil-mira ta’ xi vandali li kienu qalbu partijiet mill-opramorta. Snin ta’ abbandun kienu wasslu għal ħsara konsiderevloi ta’ natura strutturali.
Ix-xogħol kollu sar minn ħaddiema tad-Direttorat tar-Restawr fi tmien xhur fuq firxa ta’ madwar sena u nofs, minħabba eżiġenzi oħra. In-nefqa fuq materjali laħħqet €12,600.
Il-proġett jingħaqad ma’ kullana ta’ xogħolijiet oħra li d-Direttorat tar-Restawr ikkonkluda din is-sena bil-ħaddiema tiegħu, li jinkludu il-Kappella tal-Viżitazzjoni f’ta’ Wejda fil-Mosta, Dar it-8 ta’ Settembru fil-Birgu, u l-Kappella tal-Madonna tal-Mirakli f’Ħal Lija. Proġetti oħra li għaddejjin bħalissa bil-ħaddiema tad-Direttorat jinkludu il-faċċata tal-Kon-Kattidfral ta’ S.Gwann fil-Belt, il-Kappella tal-Lunzjata fil-Gudja, il-Kappella tal-Kunċizzjoni fll-Imsida u l-Oratorju tal-Parroċċa ta’ Bormla.
Fil-ġimgħat li ġejjin, wara li nġiebu l-permessi meħtieġa, se jinbeda xogħol fuq ħames proġetti li intagħżlu mill-Iskema ta’ Restawr imnehdija is-sena l-oħra.
Dawn huma l-Arkata ta’ De Rohan f’Ħaż-Żebbuġ, il-Kappella ta’ Porto Salvo fil-Hamrun, il-Kappella ta’ S.Ġwann tal-Għorgħar f’San Ġwann, il-Kappella ta’ Santa Luċia f’Santa Luċija u l-istatwa ta’ S.Andrija f’Ħal-Luqa.
Kif kienet il-loġġa qabel.