F’Sydney fl-Awstralja, il-lockdown se jiġi estiż b’xahar ieħor minħabba li l-infezzjonijiet tal-Covid-19 qed ikomplu jiżdiedu. Sydney ilha f’lockdown mill-aħħar ta’ Ġunju minħabba li kien hemm ħafna każijiet tal-varjant Delta. S’issa din is-sena f’Sydney kien hemm aktar minn 2,500 każ ta’ infezzjonijiet tal-Coronavirus.
Qed ikun irrappurtat li f’New South Wales biss s’issa hemm mija, sebgħa u sebgħin każijiet ġodda ta’ Covid-19. Il-Membru Parlamentari ta’ New South Wales Gladys Berejiklian qalet li mhux se jkun possibbli li l-Ġimgħa li ġej jitneħħa l-lockdown, u ħabbret miżuri ġodda dwar il-moviment tal-persuni.
Waqt il-pandemija, l-Awstralja żammet in-numru ta’ infezzjonijiet baxxi billi għalqet il-fruntieri tagħha u ornat li dawk li jaslu fil-pajjiż jagħmlu użu minn lukandi ta’ kwarantina, filwaqt li kien qed isir l-intraċċ ta’ kuntatti b’mod kontinwu.
L-esperti qed iwissu li r-restrizzjonijiet jistgħu jibqgħu fis-seħħ sa Settembru jew aktar tard.
Ritratt: EPA