Il-Litwanja ċaħdet il-permess lill-vapur tal-merkanzija rreġistrat f’pajjiżna bl-isem ta’ ‘Ruby’, biex jissewwa f’tarzna tagħha, minħabba biża’ għas-sigurtà nazzjonali b’riżultat tat-tagħbija ta’ madwar 20,000 tunellata ta’ nitrat tal-ammonju.
In-nitrat tal-ammonju kien responsabbli għal numru ta’ aċċidenti fil-passat, inkluż l-isplużjoni traġika fil-port ta’ Bejrut, fil-Libanu, erba’ snin ilu fejn tilfu ħajjithom mal-220 persuna.
Il-vapur, li ġarrab ħsarat f’maltempata, kien se jidħol fil-port ta’ Klaipeda għat-tiswijiet fejn tarzna rebħet il-kuntratt relatat. Iżda anke jekk it-tarzna sostniet li tista’ timmaniġġa l-merkanzija b’mod sigur, il-Prim Ministru tal-Litwanja, Ingrida Simonyte, ħabbret li mhux se jingħata permess biex il-vapur, li telaq mir-Russja, jidħol fil-pajjiż.
Il-Gvern Litwan qal li talbiet simili minn vapuri Russi huma komuni, iżda t-tħassib dwar is-sigurtà f’dan il-każ ingħata prijorità.
Il-bastiment kien l-ewwel daħal waqt il-maltemp f’port fin-Norveġja qrib sptar u università, iżda, kif l-awtoritajiet skoprew x’tip ta’ merkanzija kien qed iġorr, ġie ordnat biex jiċċaqlaq minn hemm għal parti oħra.
Issa ġie identifikat port ieħor Norveġiv biex tinħatt il-merkanzija fih qabel ma l-vapur potenzjalment jipproċedi lejn il-Litwanja għat-tiswijiet.
Rapporti internazzjonali qalu li n-Norveġja qed tikkordina ma’ Malta u l-operatur tal-vapur biex issolvi s-sitwazzjoni.