Il-listi ta’ stennija fl-Isptar Mater Dei sabiex wieħed jistenna għall-operazzjonijiet naqqset kważi bin-nofs.
Dan hekk kif minħabba r-restrizzjonijiet tal-pandemija, ħafna mill-operazzjonijiet waqfu.
Dan intqal mid-Deputat Prim Ministru u Ministru Chris Fearne waqt li inawgura sala ġewwa l-Isptar Mater Dei.
Il-Ministru għas-Saħħa stqarr, “Minn April, fejn kellna kważi 6,000 ruħ fuq il-waiting list fuq miż-żmien stipulat fuq il-patients charter, issa f’Settembru, issa qegħdin Ottubru. Din il-figura minn 6,000 naqset għal 3,380, jiġifieri f’temp ta’ sitt xhur naqqasna sew dik il-waiting list li kienet inġemmet matul ix-xhur tal-Covid. U fil-ġimgħat u fix-xhur li ġejjin, l-impenn tagħna huwa li nkomplu nnaqsu l-waiting list biex nerġgħu nġibuha bħal ma kienet qabel il-Covid u eventwalment anke aħjar.”
Chris Fearne qal kif l-operazzjonijiet saru tul il-Ħdud u l-festi pubbliċi u semma kif ħames mitt operazzjoni tul il-jum tal-Ħadd.
Semma kif il-Gvern għamel ftehim mal-isptarijiet privati biex isiru l-operazzjonijiet hemmhekk, waqt li dawn jitħallsu mill-Gvern.
Id-Deputat Prim Ministru qal kif din is-sala se tintuża għall-kura intensiva ta’ pazjenti wara operazzjonijiet maġġuri.
Qal kif il-pazjenti li se jkunu f’din is-sala se jkunu dawk li għandhom bżonn attenzjoni iżjed minn ta’ sala normali u ftit anqas minn dawk tal-ITU.
Waqt din il-konferenza tal-aħbarijiet tkellem ukoll il-kirurgu.
Il-Kirurgu Jo-Etienne Abela spjega, “Aħna f’dan il-unit ilqajna l-ewwel pazjenti fih f’nofs Ġunju. Jiġifieri fi ftit ġimgħat li għaddew għandi l-pjaċir ngħid li t-tim ta’ dan il-unit, SHDU addatta 250 pazjent li għaddew minn dan il-unit.”