F’inqas minn tliet snin, in-numru ta’ persuni fuq il-lista ta’ stennija għall-akkomodazzjoni soċjali naqas b’mod konsiderevoli.
Fl-2017 in-numru ta’ persuni kien jammonta għal 3,288 iżda f’inqas minn erba’ snin, dan in-numru niżel bi kważi n-nofs.
F’intervista ma’ dan l-istazzjon, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar, Leonid McKay qal li dan it-tnaqqis ta’ persuni fil-lista ta’ stennija sar permezz ta’ introduzzjoni ta’ numru ta’ skemi li nediet l-Awtorità, li indirizzat bżonnijiet varji ta’ nies li kienu fuq din il-lista.
Saħaq li filwaqt li naqqsu n-nies, inqas nies ġodda ġew bżonn post tal-Gvern.
Qal, “Introduċejna skemi bħal li ngħinu żgħażagħ li jkollhom id-depożitu ta’ 10% li jintalab mill-banek, dawk kellek nies illi kienu qegħdin fuq il-waiting list tal-Awtorità għax ma kellhomx dan id-depożitu. Kellek nies oħrajn illi ma setgħux iħabbtu l-bieb tal-bank għaliex huma kellhom dħul baxx u l-Awtorità hemmhekk daħlet social loans. Kellek oħrajn li kienu qegħdin jgħixu fil-kera u kienu qed isibu diffikultà qabel ma introduċejna l-benefiċċju tal-kera lu huwa ħafna aktar b’saħħtu llum.”
Dawn l-iskemi u oħrajn bħal Equity Sharing u anke l-iskema l-ġdida New Hope se jwasslu biex aktar persuni jkunu sidien ta’ darhom.
Madanakollu, xorta għad hemm faxxa ta’ nies fis-soċjetà li għandhom bżonn l-akkomodazzjoni soċjali, u għalhekk l-awtorità se tkompli tassisti.
Intant, Leonid McKay kompla jispjega li apparti d-diversi skemi, l-Awtorità ħadet ħsieb li jiġu ndirizzati l-abbużi ta’ xi wħud.
Spjega, “Importanti nsemmu li infurzajna wkoll d-Dipartiment tas-Social Housing fi ħdan l-Awtorità, li qed jagħmel skrutinju ħafna aktar rigoruż wara li sar il-proċess ta’ profiling ta’ kull applikant biex min ħaqqu jibqa’ fuq il-waiting list tal-Awtorità jingħata attenzjoni, però għandek persuni oħrajn li hemm anke lok ta’ abbuż u hemmhekk l-Awtorità mhux qed titollera bl-ebda mod li jkollok persuni li jitolbu akkomodazzjoni mingħajr ma għandhom il-bżonn.”