Wara iktar minn ġurnata mingħajr komunikazzjoni, f’Gaza qed jirritornaw il-linji tat-telefown u l-internet.
Dan wara li s-Sibt it-Tramuntana tal-belt ta’ Gaza kienet fil-mira ta’ attakk qalil b’kull tip ta’ bombi, li ġie deskritt bħala l-eħrex wieħed minn meta bdew dawn l-attakki.
Il-Prim Ministru Iżraeljan Benjamin Netanyahu qal li dan jimmarka t-tieni stadju f’dik li sejħila gwerra twila u diffiċli għall-grupp militanti tal-Hamas.
Huwa kkonferma li t-truppi Iżraeljani huma mifruxa mal-Medda ta’ Gaza kollha.
Sadanittant eluf ta’ persuni f’Gaza daħlu fl-imħażen u fiċ-ċentri tad-distribuzzjoni u serqu ħafna mill-provvisti bażiċi bħad-dqiq u affarijiet oħra.
Il-gwerra fil-Lvant Nofsani ilha għaddejja mis-7 ta’ Ottubru u l-ministeru tas-saħħa mmexxi mill-Hamas f’Gaza qal li aktar minn 8,000 ruħ inqatlu minn meta bdew il-bumbardamenti.