B’referenza għal rapporti f’sezzjonijiet tal-midja, KM Malta Airlines ċaħdet kategorikament li daħħlet xi spejjeż ġodda għal klijenti li għandhom diżabilità.
Filwaqt li enfasizzat li trid timxi ma’ standards tas-sigurtà internazzjonali fl-avjazzjoni u regoli Ewropej, il-linja nazzjonali tal-ajru saħqet li persuni bi problemi ta’ mobilità ma jistgħux jiġu rrifjutati d-dritt li jivvjaġġaw sakemm ma jkunx hemm raġunijiet ta’ sigurtà f’każi estremi.
Anzi l-linja enfasizzat li hi tipprovdi kull assistenza lil persuni b’diżabilità kemm abbord u fl-ajruporti relatati billi tingaġġa l-istaff u l-apparat neċessarji mingħajr ebda spejjeż żejda.
KM Malta Airlines qalet li l-istess regolamenti internazzjonali jesiġu li fejn il-kundizzjoni medika ta’ passiġġier hi tali li jitqajjem dubju raġjonevoli kemm jista’ jagħmel il-vjaġġ kollu bla bżonn addizzjonali ta’ osservazzjoni, il-linja tista’ tiddeċiedi li titlob assessjar ulterjuri.
“Hu biss f’dawn il-każi speċjali li KM Malta Airlines, bħal linji oħrajn, titlob lill-passiġġier li jipprovdu ċertifikat mill-konsulenti tagħha kif rikjest mill-istandards tal-IATA. Il-ħlas ta’ €15 issir lit-tabib mediku u mhux mil-linja nnifisha. Għaldaqstant, KM Malta Airlines ma imponiet l-ebda spejjeż żejda jew biddlet xi prattiċi rigward persuni b’mobilità mnaqqsa,” temmet tgħid il-linja nazzjonali.