Il-linja nazzjonali tal-ajru l-ġdida se tibda topera t-titjiriet tagħha mill-31 ta’ Marzu tal-2024.
Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet minn Hangar One fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, li ġiet indirizzata mill-Prim Ministru Robert Abela u l-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana, fejn fiha ngħataw id-dettalji dwar il-linja nazzjonali tal-ajru li se żżomm l-isem ta’ Air Malta.
Fil-fatt, f’din il-konferenza, il-Ministru responsabbli minn dan il-qasam Clyde Caruana spjega l-passi li jmiss fix-xhur li ġejjin b’rabta ma’ din il-linja nazzjonali tal-ajru l-ġdida anke b’rabta mal-konsumaturi li diġà għażlu li jtiru mal-Air Malta.
L-aħħar titjiriet tal-Air Malta se jkunu qed isiru fit-30 ta’ Marzu 2024. Fil-fatt dakinhar Air Malta PLC se tkun qed twaqqaf l-operazzjonijiet tagħha. L-għada jibdew joperaw it-titjiriet taħt il-kumpanija l-ġdida.
“Fl-ewwel ta’ Novembru li ġej jiġifieri fi żmien xahar ieħor, in-nies ser jkunu jistgħu jibdew japplikaw sabiex jieħdu r-refund għall-biljetti tal-ajru li jmorru lil hinn mit-30 ta’ Marzu. Jiġifieri kull min ibbukkja ticket mill-31 ta’ Marzu tas-sena d-dieħla ’l quddiem ikun jista’ japplika biex jieħu r-refund.”
Sadanittant, mill-ewwel ta’ Diċembru dawk il-persuni li għandhom pjani li jsiefru mill-31 ta’ Marzu ’l quddiem, jistgħu jaqtgħu l-biljetti tal-ajru mal-linja l-ġdida tal-ajru.
Dawk li sat-30 ta’ Marzu jixtiequ jaqtgħu biljett tal-ajru jistgħu jibqgħu jagħmlu dan b’mod normali mal-kumpanija tal-ajru eżistenti.
Min ikun għadu m’utilizzax il-mili kollha li kellu disponibbli taħt l-iskema tal-Flypass tal-Air Malta wkoll se jkun qed jingħata rifużjoni abbażi tal-mili li ma jkunx sarraf.
Minn Diċembru stess jiftħu wkoll l-applikazzjonijiet biex il-ħaddiema eżistenti tal-Air Malta jkunu jistgħu japplikaw biex jibdew jaħdmu mal-linja nazzjonali tal-ajru l-ġdida b’kundizzjonijiet tax-xogħol ġodda.
Taħt il-pjan il-ġdid, il-linja nazzjonali l-ġdida se tkun qed ittir lejn 17-il destinazzjoni. Dawn huma Amsterdam, Berlin, Brussell, Katanja, Dusseldorf, Londra fl-ajruporti ta’ Gatwick u Heathrow, Lyon, Madrid, Milan, Munich, Pariġi fl-ajruporti ta’ Charles de Gaulle u Orly, Praga, Ruma, Vjenna u Zurich.
Sadanittant il-Ministru Caruana spjega kif id-deċiżjonijiet kuraġġjużi, li saru b’rabta ma’ din il-linja nazzjonali l-ġdida tal-ajru, se jsarrfu biex ma’ kull titjira, għall-ewwel darba f’ħafna snin, kull ajruplan jagħmel profitt.
“Qabel il-pandemija kull darba li ajruplan kien jinqata’ mill-art konnha nitilfu €4,000 minn kull titjira. Bħala medja ajruplan itir u l-kumpanija titlef €4,000. Bil-miżuri li qed nieħdu llum bil-kumpanija l-ġdida, bit-tibdil kollu li qed nagħmlu, kull darba li dan l-ajruplan jinqata’ mill-art, se nkunu qed naraw li minn kull titjira naqilgħu minn tal-inqas bħala medja l-ekwivalent ta’ €2,900.”
Il-Ministru Caruana rrefera wkoll għall-iskemi ta’ rtirar kmieni, li kienu ffirmati lura fl-2007 u l-2008 b’rabta mal-piloti u l-cabin crew.
“Jekk ikun pilota li jrid jieħu dan l-ammont jieħdu, però ma jista’ qatt ikun aktar la tal-kumpanija nazzjonali tal-ajru, wisq aktar tas-settur pubbliku. Jekk ikun xi ħadd li ġej mill-cabin crew dan il-ftehim ukoll konnha għamilnih is-sena li għaddiet meta kellna skemi simili. Jekk jieħu l-ammont li huwa dovut mill-ERS, it-tali persuna li ġejja mil-cabin crew trid tagħmel 6 snin ma tistax tmiss mas-settur pubbliku, wisq aktar mal-kumpanija tal-ajru.”