Il-linja nazzjonali tal-ajru, KM Malta Airlines, se tkun qabżet il-bejgħ ta’ miljun biljett mindu bdiet tilqa’ l-bookings mill-aħħar tas-sena li għaddiet.
Waqt li dak iż-żmien, il-KM Malta Airlines kienet għadha fi żmien ta’ tranżizzjoni biex tieħu post l-Air Malta, din bdiet topera inqas minn xahrejn ilu, eżattament mill-31 ta’ Marzu.
Fl-ewwel ġimgħa li bdiet taċċetta l-bookings, il-linja nazzjonali tal-ajru kienet diġà biegħet ’il fuq minn 122,000 biljett għall-programm tas-sajf ta’ din is-sena. Sal-bidu ta’ din is-sena, l-ammont kien diġà tela’ għal kwart ta’ miljun booking.
Kontra dak li jiddikjara l-Partit Nazzjonalista, anke jekk kull meta kien fil-Gvern dejjem ipprova jkisser il-linja nazzjonali tal-ajru sa minn twelidha fis-snin sebgħin, l-istorja tal-KM Malta Airlines qed tkun waħda ta’ suċċess kbir, kif wiegħed li se jagħmel il-Gvern attwali mmexxi mill-Prim Ministru Robert Abela, u r-riżultati qed jaqbżu kull aspettattiva anke tal-kumpanija nnifisha.
Il-linja nazzjonali tal-ajru, li kellha rwol importanti għall-ekonomija nazzjonali fl-aħħar ħamsin sena, qed titmexxa bi strateġija sostenibbli.
Fil-programm attwali tagħha, din qed ittir lejn 15-il belt prinċipali Ewropea fl-Olanda, il-Ġermanja, il-Belġju, l-Italja, l-Ingilterra, Franza, Spanja, ir-Repubblika Ċeka, l-Awstrija u l-Iżvizzera.