Il-fondazzjoni għas-servizzi ta’ ħarsien soċjali rċeviet iktar minn 500 telefonata fl-ewwel ġimgħa mindu nfetħet il-linja 1772 għal dawk li jinsabu f’solitudni minħabba l-Coronavirus.
Il-Kap Eżekuttiv tal-fondazzjoni Alfred Grixti saħaq li minn dawn it-telefonati ħareġ biċ-ċar li minkejja li s-servizz kien maħsub l-iktar għall-anzjani, kien hemm nies ta’ età iżgħar li wkoll riedu lil xi ħadd min jismagħhom.
Is-Sur Grixti spjega: “Mhumiex l-anzjani biss li jkunu f’solitudni. Huma nies li minħabba l-pandemija li ġew mogħtija l-parir li jibqgħu ġewwa u tiskanta kemm hawn nies li jkunu waħidhom.”
Is-servizz diġà wera li huwa bżonnjuż u se jibqa’ fis-seħħ anke wara li jekk Alla jrid tgħaddi l-pandemija.
Is-Sur Grixti sostna: “Beħsiebna nibqgħu nagħtuh anke wara li jgħaddi l-għawġ li qegħdin fih.”
Intant il-fondazzjoni għaddejja bl-aħħar tħejjijiet biex tiċċaqlaq f’binja ġdida fejn se jkunu taħt saqaf wieħed is-servizzi marbuta mal-linji 1772 u 179.
Bħalissa l-impjegati qegħdin jaħdmu mid-dar għal raġunijiet ta’ saħħa pubblika, iżda l-ħsieb hu li malli tgħaddi l-pandemija, iż-żewġ il-linji jkollhom minn tal-inqas għaxar operaturi kull waħda.
Huwa kompla jispjega: “At any time għandek żgur il-1772 10 min-nies iwieġbu mbagħad għandek il-179 jaħdmu b’shift bejn 12-il impjegat.”
Is-Sur Grixti rrimarka kif il-Fondazzjoni llum tibbenefika minn sittax fil-mija tal-fondi tal-Gvern u timpjega mat-tmien mija u ħamsin persuna.