Mohamed Ali Ahmed Elmushraty, Tuneżin ta’ 31 sena li jgħix Portomaso u Buġibba, magħruf bħala Lilu King, tressaq il-Qorti wara li fl-aħħar sigħat ġie arrestat mill-Pulizija f’operazzjoni li kienet tinvolvi diversi tfittxijiet fi proprjetajiet diversi madwar il-pajjiż.
El Mushraty huwa l-proprjetarju ta’ stabbiliment f’Paceville u huwa attiv sew fuq il-midja soċjali, fejn anke jesponi l-ħajja lussuża li jgħix.
Il-Prosekuzzjoni, immexxija mill-Ispettur Mark Anthony Mercieca mill-Iswadra ta’ Kontra d-Droga, spjegat kif l-akkużat jidher li jagħmel parti minn grupp ta’ persuni, li huma nvoluti f’operazzjonijiet li jikkonsistu traffikar tad-droga u ħasil tal-flus.
Fis-sorveljanza tal-Pulizija, l-akkużat deher diversi drabi f’appartament f’Portomaso u f’residenza oħra f’San Pawl il-Baħar.
Il-Prosekuzzjoni spjegat li l-imputat jidher li jgħix ħajja ta’ lussu u jagħmel użu minn ħwejjeġ, ġojjellerija u karozzi lussużi.
Mal-arrest tiegħu minn viċin l-għassa ta’ San Ġiljan, il-Pulizija pproċediet għal tfittxijiet fl-appartament tiegħu f’San Ġiljan u f’San Pawl il-Baħar.
Fil-ħin ta-arrest instabu flus kontanti u ġojjellerija, u fl-appartamenti nstabu numru kbir ta’ ħwejjeġ u oġġetti ta’ valur. Dawn ġew elevati, flimkien ma’ numru ta’ karozzi lussużi wkoll.
Id-difiża argumentat li m’hemmx akkużi ta’ droga fil-konfront tal-imputat minkejja li l-investigazzjonijiet huma fuq droga u ħasil ta’ flus.
Il-Prosekuzzjoni wieġbet billi argumentat li l-akkużat jinsab fi ċrieki ta’ persuni affiljati sew ma’ traffikar tad-droga u mill-investigazzjonijiet jirriżulta li l-imputat f’Malta ma jħallas l-ebda taxxi.
Fil-fatt, huwa qed jiġi akkużat fuq evażjoni tat-taxxa u b’involviment fi gruppi ta’ kriminalità organizzata.
Fil-Qorti, il-Prosekuzzjoni spjegat li El Mushraty ġie arrestat mid-Deputat Kummissarju tal-Pulizija Sandro Gatt, fil-preżenza ta’ diversi uffiċjali, fosthom anki mill-Ispecial Intervention Unit.
Id-Difiża baqgħet targumenta għal provi aktar b’saħħithom mill-Prosekuzzjoni b’rabta mal-akkużi li l-imputat qed jiġi mixli bihom.
L-akkużat wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih u saret talba għall-ħelsien mill-arrest.
Il-Qorti semgħet l-argumenti taż-żewġ naħat u ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest.
Id-Difiża tmexxiet mill-avukati Franco Debono, Marion Camilleri u Francesca Zarb.