Mohamed Ali Ahmed Elmushraty, magħruf bħala Lilu King, reġa’ tressaq il-Qorti mixli li bejn il-lejl tal-Ġimgħa u s-Sibt kiser il-paċi pubblika waqt logħba tal-boxing.
Fil-Qorti ntqal kif Elmushraty kien qiegħed iħarreġ wieħed mill-ġellieda, fejn kien hawn li qamet komossjoni għaliex wieħed mill-organizzaturi talbu joħroħ barra, bil-Lilu King jirrifjuta li jagħmel dan.
Filmat li nxtered fuq il-midja soċjali juri lil-Lilu King jargumenta mal-pulizja, li kellha tintervjeni fl-argument bejn iż-żewġt irġiel.
Emshraty ġie arrestat mill-pulizija tar-Rapid Intervention Unit, wara li m’obdiex l-ordni tagħhom, fejn saħansitra neża’ l-flokk u anke qal kliem dispreġjattiv fil-konfront ta’ erba’ kuntistabbli.
L-Avukati Franco Debono u Josè Herrera, li dehru għall-akkużat stqarru li Lilu King ma kiser l-ebda kundizzjoni tal-ħelsien mill-arrest, għaliex il-Qorti tatu permess speċjali li ħallih jibqa’ barra sas-sagħtejn u nofs ta’ filgħodu.
Madanakollu, Elmushraty ammetta l-akkuża li kiser l-paċi pubblika.
Wara li semgħet is-sottomissjonijiet kollha, il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Kevan Azzopardi sabet lil-Lilu King ħati u kkundannatu erbat elef ewro, filwaqt li jitteħdulu għaxart elef ewro mid-depożitu impost bħala garanzija għall-benefiċċju tal-ħelsien mill-arrest.