Sitt entitajiet tal-Malti ffirmaw stqarrija b’reazzjoni kontra emendi li ġew proposti mill-Gvern fil-Liġi tal-Malti.
Dawn huma l-Akkademja tal-Malti, id-Dipartiment tal-Malti fl-Università, id-Dipartment tal-Malti fil-Junior College, l-Istitut tal-Lingwistika fl-Università, l-Għaqda tal-Malti fl-Università u l-Għaqda tal-Qarrejja tal-Provi tal-Malti.
Il-kompożizzjoni tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti se tiġi aġġornata biex jiġu rikonoxxuti u inklużi entitajiet li qed jagħtu kontribut lill-ilsien Malti bil-ħidma tagħhom kemm f’Malta kif ukoll barra minn Malta.
Is-sitt entitajiet qed jgħidu li l-proposti se jdgħajfu l-Kunsill il-ġdid tal-Malti mill-aspett akkademiku. Jinsistu li għalkemm hija ħaġa tajba li r-rappreżentanza fil-Kunsill kibret b’erba’ membri ġodda, il-proposti tal-Gvern fihom tliet nuqqasijiet.
- Sa llum il-Kunsill tal-Malti kellu 11-il membru: sebgħa kienu nies ikkwalifikati fil-Malti u erbgħa li jistgħu ma jkunux ikkwalifikati. Il-Kunsill il-ġdid għandu jkollu 13-il membru: sitta jkunu ikkwalifikati u sebgħa jistgħu ma jkunux ikkwalifikati. Dan ifisser li d-deċiżjonijiet tal-Kunsill tal-Malti se jibdew jittieħdu minn grupp ta’ nies li l-biċċa l-kbira minnhom jistgħu ma jkunux kwalifikati fil-Malti.
- S’issa l-Kunsill jaħdem b’numru żgħir ta’ kumitati tekniċi, bħall-Kumitat tal-Informatika, il-Kumitat tat-Terminoloġija, u bosta oħra. Il-Kap ta’ kull kumitat jinħatar mill-Kunsill minn fost nies proposti mill-Akkademja tal-Malti u d-Dipartiment tal-Malti fl-Università. Is-sitt entitajiet jemmnu li din is-serjetà se tintilef jekk il-Kap se jiġi propost minn ħamsa (mit-13-il-membru) tal-Kunsill tal-Malti. Wieħed irid jiftakar li skont il-proposti se jkun hemm sebgħa membri li jistgħu ma jkollhom l-ebda kwalifika jew għarfien tal-Malti. Mela 5 membri li jistgħu ma jkunux kwalifikati fil-Malti se jkollhom saħħa jinnominaw Kap Tekniku.
- Sa llum kwistjonijiet tekniċi fuq il-lingwa kienu f’idejn Kummissjoni ta’ nies esperti. Il-Kunsill seta’ ma jaċċettax il-proposti tal-Kummissjoni imma ma seta’ qatt jibdilhom. Skont il-liġi proposta, il-Kunsill magħmul minn maġġoranza ta’ nies li mhux bilfors huma kkwalifikati fil-Malti se jkollu s-setgħa jiddeċiedi hu flok il-Kummissjoni meta ma jaqbilx magħha.
Meta introduċa t-tieni qari tal-Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Att dwar l-Ilsien Malti, il-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo spjega li l-Presidet tal-Kunsill se jkun maħtur mill-Prim Ministru, u se jkun magħżul minn fost persuni stabbiliti u kwalifikati fl-istudju tal-Malti u li jiġu rakkomandati flimkien jew separatament mill-Akkademja tal-Malti u mid-Dipartiment tal-Malti fl-Università.
Fil-Kunsill se jkun hemm rappreżentanti tal-Akkademja tal-Malti, id-Dipartiment tal-Malti fl-Università, l-Istitut tal-Lingwistika fl-Università, id-Diviżjoni tal-Edukazzjoni li ġej mill-qasam tal-Kurrikulu Nazzjonali nominat mill-Ministru, rappreżentant tal-Kunsill Malti għall-Arti nominat mill-Kunsill, l-Avukat Ġenerali jew rappreżentant tiegħu, liema rappreżentant ikun persuna esperta u involuta flabbozzar u t-traduzzjoni tal-leġislazzjoni, u rappreżentant elett minn fost il-membri tal-Kumitati tal-Għaqdiet tal-Malti u tal-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin.
Se jkun hemm ukoll erba’ rappreżentant ġodda, li huma l-Awtorità tax-Xandir, id-Dipartiment tal-istudji tat-Traduzzjonijiet, Terminologija u Interpretazzjoni fl-Università, rappreżentant tal-pubblikaturi Maltin; u rappreżentant tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb.