Il-liġi tal-MPE Laburista Malti Cyrus Engerer dwar l-Emissjonijiet u l-prezzijiet tagħhom ġiet uffiċjalment iffirmata fi Strasburgu nhar l-Erbgħa waqt ċerimonja organizzata mill-Kabinett tal-President tal-Parlament Ewropew.
Permezz ta’ din il-leġiżlazzjoni fittixna li nġibu l-bidliet meħtieġa li jsaħħu s-sistema Ewropea tal-iskambju tal-kwoti tal-emissjonijiet. Dan huwa meħtieġ biex l-UE tilħaq l-għanijiet tagħha fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima sal-2030 u tnaqqas id-dipendenza tagħha fuq ir-Russja fejn tidħol l-enerġija”
L-MPE Cyrus Engerer
Din iċ-ċerimonja tal-iffirmar qed issir xahar wara l-vot fis-sessjoni plenarja ta’ Marzu li bih l-liġi miktuba mill-MPE Engerer rċeviet appoġġ kbir fil-Parlament Ewropew, b’maġġoranza ta’ 81% tal-voti tal-Membri Parlamentari Ewropej.
Bħala Rapporteur, l-MPE Engerer ġie fdat biex imexxi n-negozjati dwar din il-liġi li hija parti mill-pakkett ta’ miżuri Fit for 55 tal-UE li ġie propost sabiex tiġi indirizzata l-emerġenza tal-klima.
Il-punt tat-tluq tal-prijorita’ ta’ Engerer, huwa l-protezzjoni tas-setturi l-aktar vulnerabbli tas-soċjetajiet tagħna f’din it-transizzjoni lejn aktar ambizzjoni ambjentali.
Waqt il-preżentazzjoni tiegħu ta’ din il-leġiżlazzjoni fis-sessjoni plenarja tax-xahar li għadda semma l-isfidi li qed jiffaċċjaw iċ-ċittadini Ewropej quddiem iż-żieda fl-għoli tal-ħajja u l-prezzijiet tal-enerġija wara l-pandemija tal-COVID-19 u l-gwerra fl-Ukrajna.
Qal li l-mod kif għandna nindirizzaw dawn ir-realtajiet u l-kisba tal-miri ambjentali huma żewġ affarijiet li għandhom jaħdmu id f’id.
Il-liġi nnegozjata mill-MPE Engerer mistennija tidħol fis-seħħ fix-xhur li ġejjin, biex tiżgura li s-sistema attwali tal-iskambju tal-kwoti tal-emissjonijiet tkompli tissodisfa t-talbiet tal-ambizzjonijiet tagħna fejn tidħol il-klima.