Il-Partit Laburista huwa l-unika forza politika li għandu kredenzjali ta’ tiġdid, riformista u liberali.
Dan intqal waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata miIl-President tal-Partit Laburista Ramona Attard u l-kandidat Jonathan Attard.
Din il-konferenza tal-aħbarijiet saret l-għada li fil-Parlament għaddiet il-liġi storika li ser twassal għal rappreżentanza iktar ugwali bejn l-irġiel u n-nisa fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż.
Dr Ramona Attard qalet kif din ir-riforma kienet kruċjali li tiġi implimentata qabel l-elezzjoni ġenerali.
Il-President tal-Partit Laburista qalet kif il-Partit Laburista fil-Gvern għamel diversi riformi fosthom tal-Vot 16, tal-identità tal-ġeneru u oħrajn li jinsabu fil-qrib li jitwettqu bħal dik tal-kirjiet u l-użu responsabbli tal-kannabis.
Hija stqarret: “Huwa huwa d-dover tagħna bħala Partit, li rridu nirriformaw, inkomplu l-ħarsu ‘l quddiem lejn il-bidliet għax responsabiltà fuqna hija ħafna għax f’dan il-pajjiż dejjem kien il-Partit Laburista li rriforma li wettaq il-bidliet.”
Semmiet kif permezz tal-programm LEAD, il-Partit Laburista ilu jaħdem sabiex ikollu diversi kandidati nisa.
Min-naħa tiegħu, il-kandidat Jonathan Attard qal kif dan huwa pass storiku u anke bżonnjuż.
Qal kif din il-liġi saret wara ħidma kollettiva u b’konstultazzjoni wiesgħa sabiex l-Erbgħa għaddiet mill-Parlament.
Huwa sostna: “Il-liġi fiha diversi aspetti innovattivi ħafna, anke meta toħodhom inkonsidirizazzjoni mal-leġiżlazzjonijiet li qed isiru f’pajjiżi oħrajn, minħabba l-fatt li huwa mekkaniżmu li jista’ jaħdem favur iż-żewġ sessi, talli mod li jekk ikollok sitwazzjoni fejn l-irġiel, aħna l-irġiel ikollna rappreżentanza ta’ anqas minn 40%, il-mekkaniżmu jkun applikat ukoll favur l-irġiel.”