“Il-liġi se tkun iffirmata,” qal il-President ta’ Malta, George Vella, meta mistoqsi mill-midja dwar l-approvazzjoni mill-Parlament ilbieraħ ta’ emendi għal liġi iżjed b’saħħitha dwar l-IVF, li se jfisser tama lil tant nies li jridu jagħtu l-ħajja u jibnu familja.
Fil-jiem li għaddew, xi midja qajmu mistoqsijiet dwar jekk, wara li tgħaddi mill-Parlament, il-liġi l-ġdida kinitx se tiġi ffirmata mill-Palazz Presidenzjali.
Il-liġi lbieraħ kisbet l-approvazzjoni taż-żewġ naħat tal-Kamra, iżda tliet deputati Nazzjonalisti – Adrian Delia, Ivan Bartolo tal-Mosta, u Alex Borg – opponew il-linja tal-Kap Bernard Grech u vvutaw kontra. Deputati oħra – Carm Mifsud Bonnici, Chris Said, u Jerome Caruana Cilia – ma kinux preżenti għall-vot. Carm Mifsud Bonnici kiteb fuq il-Facebook biex jagħmilha ċara li hu kontra l-liġi.