Il-liġi l-ġdida dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol se twassal biex tiddaħħal kultura ta’ serjetà u responsabbilità. Dan qalu l-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma fis-Settur tal-Kostruzzjoni, Jonathan Attard, waqt konferenza tal-aħbarijiet, li saret f’fabbrika fil-Qasam Industrijali ta’ Bulebel.
Ftit jiem biss wara li din il-liġi għaddiet b’mod unanimu mill-Parlament qabel aġġorna għall-btajjel tas-sajf, il-Ministru Attard qal kif din se tindirizza r-realtajiet li żviluppaw f’dawn l-aħħar għoxrin sena f’diversi postijiet tax-xogħol, partikolarment dawk li joffru l-akbar riskji.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol, l-OHSA, Dr Josianne Cutajar, qalet li hemm pjan ta’ ħidma x’jidħol fis-seħħ, kif joħroġ minn din il-liġi l-ġdida.
Qalet, “Fejn tidħol kostruzzjoni għandna abbozz avvanzat li issa kemm nirfinawh abbażi tal-att il-ġdid. Dak ikun qed jirregola l-industrija tal-kostruzzjoni. Għandna wkoll fi stat avvanzat id-diskussjonijiet tal-iskeda ta’ penali, jiġifieri biex dak li jkun ikun jaf eżatti kull reat x’se jammonta penali biex dik tkun ta’ prevenzjoni ħalli r-reati ma jsirux.”
Dr Cutajar sostniet li hemm klawsoli f’din il-liġi li se jagħtu aktar saħħa lill-ħaddiema fuq il-postijiet tax-xogħol u li se jidħlu fis-seħħ maż-żmien u skont il-prijorità tagħhom.
Ġie nnotat kif, fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena, saru kważi 4,000 spezzjoni mill-ispetturi tal-OHSA. Dan filwaqt li nħarġu 260 multa, li jsarrfu ferm aktar minn kemm ingħataw f’sena sħiħa fl-2023.
Tħabbar ukoll li, bejn Jannar u Ġunju ta’ din is-sena, ittieħdu 618-il azzjoni differenti ta’ inforzar fuq il-lantijiet tax-xogħol.
Intqal li nofs dawn l-ispezzjonijiet saru f’siti ta’ kostruzzjoni, b’oħrajn fuq makkinarji f’oqsma differenti u anke b’rabta mal-użu ta’ kimiċi jew fi stabbilimenti li għandhom riskji kbar ta’ sustanzi perikolużi.
Il-Ministru Attard kompla li hemm impenn qawwi ta’ investiment fl-awtorità għar-riżorsa umana, fejn il-ħaddiema sal-aħħar tas-sena d-dieħla se jkunu qed jitilgħu għal tmenin.
Dan fl-istess ħin li nbdiet evalwazzjoni interna biex issir l-Istrateġija Nazzjonali għas-Saħħa u s-Sigurtà f’pajjiżna.
Stqarr, “L-aspett li l-awtorità għandha s-setgħa li taġixxi bl-aktar mod mgħaġġel biex tipprevjeni sitwazzjonijiet li jkunu qed jiżviluppaw, b’kunċetti bħal HSRO, li hemmhekk qed naraw li din il-liġi tista’ twassal biex minn żmien għal żmien nintervjenu f’dawk l-oqsma fejn hemm riskju għoli.”
Dr Attard temm jgħid li, minn Jannar li għadda, il-Ministeru, li minnu hu responsabbli, għadda disa’ abbozzi ta’ liġijiet ġodda fil-Parlament u mal-ħamsa u għoxrin abbozz ta’ liġi sa mill-bidu tal-leġiżlatura.