Dalgħodu ġie approvat l-abbozz ta’ liġi dwar il-Kremazzjoni mill-Parlament.
Kien f’April li għadda meta l-Membru Parlamentari Rosianne Cutajar ressqet l-ewwel abbozz ta’ liġi, bil-għan li għall-ewwel darba f’pajjiżna, il-proċess ta’ kremazzjoni isir legalizzat u regolat permezz ta’ liġi li tirrispetta l-għażla personali tal-bniedem.
Ir-regolarizzazzjoni tal-proċess ta’ kremazzjoni għandu jassigura wkoll l-ogħla standards marbuta ma’ dan il-proċess, biex kemm jista’ jkun, il-krematorji ikollhom impatt minimu fuq l-ambjent.
Intant, il-pass li jmiss huwa l-firma tal-President ta’ Malta fil-jiem li ġejjin biex isir uffiċjalment att ħalli mbagħad permezz ta’ avviż fil-Gazzetta tal-Gvern, il-Ministru tas-Saħħa jagħti l-ġurnata minn meta l-liġi tidħol fis-seħħ.
Din il-liġi tinkludi fiha sottomissjonijiet li saru min-naħa tal-pubbliku, fosthom reġistru nazzjonali li fih il-Maltin se jkun jistgħu jniżżlu isimhom biex jinħarqu flok jindifnu wara mewthom.
Se tati lok għal reġistru, jiġifieri s-Supretendent tas-Saħħa Pubblika se jżomm reġistru, fejn min irid li wara mewtu jkun ikkremat, ix-xewqa tiegħu tista’ tiġi rreġistrata biex ġaladarba jmut ikollhom il-gwida ta’ kif iridu jimxu.
Il-krematorji se jiġu lliċenzjati mid-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika fejn se jkollu s-setgħa li jippenalizza kif ukoll jirrevoka l-liċenzja.
Il-liġi se twassal għal ftuħ ta’ reġistru ieħor li se jiġbor fih id-dettalji tal-fdalijiet ta’ kull katavru li jinħaraq. L-irmied se jkun jista’ jinfirex fil-baħar f’żoni fejn ma jgħumux in-nies, minn fuq ajruplan jew jinżamm mill-qraba tal-mejjet jew fi spazji miftuħa apposta.
Qalet li min irid iżomm l-urna jista’ jżommha f’daru jew f’qabar iżda l-urna bl-irmied mhux se tkun tista’ tinbiegħ.
F’każ li omm tmut mat-tarbija waqt il-ħlas, dawn jistgħu jiġu kkremati flimkien skont ix-xewqa tal-mara.
Intant fi stqarrija Rosianne Cutajar qalet li inqas minn ġimgħa wara l-vot ta’ fiduċja li l-poplu reġa’ ta lill-Partit Laburista, il-ħidma tal-Gvern kompliet b’ritmu mgħaġġel, hekk kif dalgħodu, l-abbozz ta’ liġi dwar il-Kremazzjoni ġie approvat mill-Parlament.
Il-Membru Parlamentari Rosianne Cutajar qalet li “Is-soċjetà tagħna hi waħda miftuħa u li tħalli lil kull persuna tagħmel id-deċiżjonijiet tagħha dwar ħajjitha – l-istess għandu jkun dwar mewtha,” qalet l-Onorevoli Cutajar.
Hija saħqet li d-dritt li wieħed jagħżel xi jsir minn ġismu wara mewtu kien il-pass naturali għal pajjiż li għażel li jkun liberali u progressiv.
Fi kliem Cutajar, ir-regolazzjoni tal-proċess ta’ kremazzjoni għandu jassigura wkoll l-ogħla standards marbuta ma’ dan il-proċess, u dan sabiex kemm jista’ jkun, il-krematorji ikollhom impatt minimu fuq l-ambjent tagħna. Dan kien element importanti fil-proposta ta’ liġi ta’ Cutajar, li tat prijorità lill-kundizzjonijiet li operaturi ta’ krematorji ser ikollhom jintrabtu bihom.
“Il-kremazzjoni hi soluzzjoni effiċjenti għal pajjiżi żgħar bħalna, li jbatu biex isibu spazju għal oqbra ġodda. Inħeġġeġ ukoll lill-applikanti biex issa jużaw l-aqwa teknoloġiji fl-operat tagħhom,” saħqet Cutajar.
L-Onorevoli Cutajar sostniet ukoll li issa tinsab ħerqana sabiex tara li l-Liġi dwar il-Kremazzjoni tibda’ tiġi implimentata fil-prattika, sabiex il-Maltin u l-Għawdxin tingħatalhom din l-għażla importanti.