Il-liċenzji tal-vetturi skaduti, jistgħu jiġġeddu sal-aħħar ta’ Awwissu.
Fi stqarrija, Transport Malta qalet li qed iġġedded iż-żmien għal-liċenzji skaduti fid-dawl li ma setgħux isiru t-testijiet tal-VRT waqt il-pandemija.
Spjegat li minkejja li kienet diġà estendiet id-data sal-aħħar ta’ Lulju, għad baqa’ numru konsiderevoli ta’ vetturi li l-liċenzja tagħhom għad trid tiġi mġedda.
Għaldaqstant l-Awtorità qed tagħti ċans ieħor biex is-sidien jirregolarizzaw il-liċenzja. Dan ma jfissirx li s-sidien jistgħu jsuqu l-vettura tagħhom mingħajr polza tal-assikurazzjoni valida.
Transport Malta fakkret li dawk inkarigati mill-VRT jistgħu jirrifjutaw li jagħmlu t-test, jekk il-vettura ma tkunx f’livell ta’ ndafa aċċettabbli kemm minn ġewwa kif ukoll minn barra.