Il-gazzetta KullĦadd żvelat kif fil-jiem li ġejjin mistennija tibda tapplika l-liġi li timponi li biex kuntratturi joperaw irid ikollhom liċenzja maħruġa mill-Awtorità għall-Bini u l-Kostruzzjoni, il-BCA.
Dan wara li din il-liġi li se tirregolarizza s-settur tal-kostruzzjoni, ibbażata fuq deċiżjoni tal-Kabinett xahrejn ilu, ingħatat barka mill-Kummissjoni Ewropea, nhar il-Ġimgħa li għadda.
Il-gazzetta rrappurtat li l-Kummissjoni tat din id-direzzjoni wara li rċeviet mingħand il-Ministeru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar, immexxi mill-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi, dak li hu magħruf bħala proportionality test. Dan permezz tiegħu jkun evalwat l-impatt li tali liġi tkun qed tħalli fuq professjonijiet varji u dan dejjem skont id-direttiva relatata Ewropea.
Din l-approvazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea se twassal biex fil-jiem li ġejjin jiddaħħal l-avviż legali u b’hekk jistgħu jinfetħu l-applikazzjonijiet biex il-kuntratturi kollha li jaħdmu fl-oqsma tat-twaqqigħ, skavar u bini jirreġistraw l-interess tagħhom għal liċenzja mal-BCA.
Dawn l-applikazzjonijiet se jibqħu miftuħa sal-aħħar ta’ Ottubru u minn Novembru mhux se jkun jista’ jopera mingħajr liċenzja.
L-applikazzjonijiet għal-liċenzji se jkunu evalwati minn kumitat apposta fi ħdan il-BCA.
Kuntrattur li, fil-kors tax-xogħol tiegħu, jikser xi liġi jew jinstab ħati ta’ nuqqasijiet kontra r-regolamenti jista’ jkollu l-liċenzja tiegħu sospiża jew revokata.
Din ir-riforma se twassal biex għall-ewwel darba f’pajjiżna jibda jkun regolarizzat il-qasam tal-kostruzzjoni, wara konsultazzjoni mill-aktar wiesgħa mal-istakeholders kollha u ma’ mijiet ta’ kuntratturi li attendew għal numru ta’ laqgħat.
Il-gazzetta KullĦadd qalet li l-konsultazzjoni pubblika għalqet f’April li għadda, b’parteċipazzjoni qawwija ta’ ħafna operaturi fil-kostruzzjoni u ta’ korpi kostitwiti, u anki mill-Partit Laburista. Hawnhekk il-gazzetta fakkret li assenti minn dan kollu kien il-Partit Nazzjonalista ta’ Bernard Grech.