L-aktar liċenzja komuni fost il-populazzjoni Maltija ta’ bejn il-15 u l-64 sena hi dik tal-karozza, hekk kif aktar minn tnejn u tmenin fil-mija ta’ popolazzjoni għandhom din il-liċenzja.
F’termini ta’ numri dawn jammontaw għal kważi mitejn u erbgħin elf persuna.
Dan ħareġ skont l-istħarriġ dwar il-ħiliet li sar fis-sena 2022 u li ġie ppubblikat riċentament mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika.
Minn dan l-istħarriġ ħareġ kif l-aktar liċenzja miksuba wara dik tal-karozza hi tal-baħar, b’aktar minn erbgħa u għoxrin elf u ħames mitt liċenzja.
Dan filwaqt li kważi sbatax-il elf persuna għandhom liċenzja tal-armi tan-nar u aktar minn elf u seba’ mija għandhom liċenzja biex jaħarqu l-logħob tan-nar.
Dan filwaqt li hemm madwar ħamest elf persuna m’għandhom l-ebda liċenzja.
Minn dan ir-rapport tal-NSO ħareġ li l-irġiel għandhom l-aktar liċenzji kemm tal-karozza, dawk tal-baħar, il-liċenzja tal-logħob tan-nar u tal-armi tan-nar.
Fost oħrajn ħareġ li tlieta u tmenin mara għandhom liċenzja tal-logħob tan-nar, waqt li aktar minn elf u tliet mitt mara għandhom liċenzja tal-armi tan-nar.
Dan l-istħarriġ jistħarreġ ukoll il-lingwi li jafu jikkomunikaw u jaqraw biha l-popolazzjoni ta’ bejn il-ħmistax u l-erbgħa u sittin sena, f’pajjiżna.
Hawnhekk ħareġ li sitta u disgħin fil-mija minn dawn iċ-ċittadini jafu l-Ingliż, waqt li aktar minn disgħin fil-mija jafu l-Malti. Il-Malti u l-Ingliż huma ż-żewġ lingwi uffiċjali skont il-kostituzzjoni ta’ pajjżna.
Dan filwaqt li t-tielet l-aktar lingwa mitkellma hi t-Taljan u wara hemm il-Franċiż u l-Ispanjol.