“Kruċjali, bżonnjuża, u se tiddistingwi bejn dawk li huma serji u dawk li m’għandhomx ikollhom irwol f’dan is-settur.”
Kienu dan il-kliem li bih l-Avukat Marie Elise Agius iddekriviet ir-riforma li qed tiġi proposta permezz tar-regolamenti nħabbra mill-Gvern biex jidħol l-obbligu ta’ liċenzja għall-kuntratturi li jaħdmu fit-twaqqigħ, l-iskavar u l-bini.
Qalet, “Kuntrattur, bħal kull professjonist ieħor, għandu jġorr responsabbiltà, li min hu serju dik ma tbeżżgħux. Din il-liċenzja importanti għax se tiddistingwi bejn dawk li huma serji u dawk li m’għandux ikollhom rwol f’dan il-qasam”
Anke l-Kamra tal-Periti laqgħet b’sodisfazzjon il-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika dwar regolamenti proposti favur l-obbligu ta’ liċenzja għall-kuntratturi li jaħdmu fit-twaqqigħ, l-iskavar, u l-bini.
Il-President tal-Kamra tal-Periti, il-Perit Andrè Pizzuto, spjega li dawn ir-regolamenti huma ta’ bżonn biex ikun hemm aktar infurzar u responsabbiltà.
Qal, “Il-fatt li wasalna f’dan l-istadju u hemm draft turi biċ-ċar li l-Gvern huwa on board mal-bżonn li ssir. Jigifieri forsi kien hemm il-biża’ li ma kienx hemm l-aptit politiku biex dan isir, pero din m’għadhiex concern għaliex il-Gvern ħareġ id-draft.”
L-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi Maltin, l-MDA, qalet li mhu se tħalli kuntratturi jibqgħu membri tagħha jekk dawn ma jkollhomx il-liċenzji saż-żmien stipulat fil-liġi, filwaqt li se tkeċċi lil kwalunkwe membru li jkollu l-liċenzja rivokata mill-Awtorità kkonċernata.
Il-President tal-MDA, Michael Stivala, qal li l-MDA hija ħerqana għall-implimentazzjoni ta’ dan l-Avviż Legali.
Qal, “Waħda mill-affarjiet li qed naraw pożittiv hija li se jkun hemm assigurazzjoni obbligatorja fuq il-kuntratturi, li jridu jagħmlu insurance biex jipproteġu lil terzi persuni, u għandek ukoll obbligu lii tagħmel insurance lill-ħaddiem. Aħna naqblu ma’ kull deċiżjoni li żżid is-serjeta fl-industrija tagħna.”
Intant, l-avukat Marie Elise Agius tkellmet dwar kif kuntrattur għandu jkollu l-għarfien adegwat tal-istandards u r-regolamenti bażiċi tas-saħħa u s-sigurtà, speċjalment il-kodiċi tal-prattika.
Dr Agius iddeskriviet din l-azzjoni mill-Gvern bħala wirja tal-impenn sabiex dawk li ma jirrispettawx ir-regolamenti marbuta mal-iżvilupp ibatu l-konsegwenzi. Se jiddaħlu multi u dawk li jwebbsu rashom għandhom il-konsegwenzi.
Qalet, “F’każ li persuna ma jimportahiex u trid tkompli, reat kontinwu, €5,000 kuljum. Hekk issaħħet iżjed l-aġenzija tal-kostruzzjoni.”
Anki l-President tal-Kamra tal-Periti esprima sodisfazzjon għall-fatt li, f’ċerti ċirkostanzi, tista’ tiġi revokata l-liċenzja.
Qal, “Jekk, imbagħad, ma jkollokx il-ħiliet, il-fatt li għandek dak id-deterrent, int għandek ikollok interess li inti stess li titgħallem u tgħallem lill-istaff tiegħek u tgħallimhom jagħmlu xogħol kif suppost għax ma tridx titlef il-liċenzja, għax il-konsegwenzi finanzjarji ta’ dik it-telf, apparti l-multi eċċetra, se jkunu sostanzjali. Għalhekk, huwa importanti li din ir-riforma titwettaq.
Ir-regolamenti, li tħabbru mill-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi, issa qegħdin għall-konsultazzjoni pubblika.
Qal, “Il-process ta’ konsultazzjoni pubblika huwa importanti. Għalfejn? Għax dik toħroġ it-trasparenza fir-regolamentazzjoni – iktar realistika u effettiva.”