Waqt serata mtella’ mill-Aġenzija Kulturali Għall-Belt Valletta f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi, il-kantanta Mary Spiteri wriet ix-xewqa tagħha li l-libsa tant famuża li libset lura fl-1992 fl-interpretazzjoni ta’ ‘Little Child’ waqt il-Eurovision Song Contest tingħata għall-irkant.
Qalet dan waqt li kienet qed tiġi ntervistata minn Jason Micallef waqt il-kunċert bijografiku tagħha ‘Mary Spiteri – My Life’. F’din is-serata unika, li kienet ippakjata bin-nies, Mary Spiteri stqarret li tixtieq li din il-libsa tant famuża, wieħed u tletin sena wara li libsitha, tingħata għall-irkant biex il-flus miġbura jmorru b’risq The Malta Community Chest Fund Foundation.
Apparti sigrieti u kurżitajiet dwar il-libsa, tul din is-serata Mary tkellmet b’mod onest, u fil-miftuħ dwar l-imħabba, il-karriera, il-familja u aktar.