Hisham Ali Abuagilla ta’ 37 sena mil-Libja baqa’ jinżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti akkużat b’rabta mal-allegat attentat ta’ qtil ta’ Ingliż f’Tas-Sliema fis-6 ta’ Awwissu.
Dakinhar kmieni filgħodu Ingliż ta’ 21 sena li joqgħod Birkirkara allegatament qala’ daqqiet ta’ arma li taqta’ u bil-ponta waqt argument fl-inħawi ta’ Tignè, Tas-Sliema.
Il-Pulizija wettqet tfittxija fuq l-akkużat fejn fuqu nstab mus u kif ukoll numru ta’ pakketti żgħar b’sustanza suspettata droga kokaina.
Dan filwaqt li saret ukoll tfittxija fir-residenza tiegħu u nstabet aktar sustanza allegatament kokaina, ecstasy u kannabis, f’ċirkostanza li juru li ma kinitx għall-użu personali tiegħu.
Huwa wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.
Il-Prosekuzzjoni għamlet talba għall-ħruġ ta’ ordni ta’ protezzjoni fil-konfront tal-vittma.
Talbet ukoll li tinħareġ ordni ta’ qbid u ffriżar fil-konfront tal-akkużat.
Id-Difiża m’opponietx.
Id-Difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest.
Hija spjegat kif la l-Qorti timponi l-miżuri li jidhrilha għandha timponi, m’għandux ikun hemm problema biex jingħata l-ħelsien mill-arrest.
Qalet kif din kienet sempliċimenet ġlieda bejn żewġ persuni.
Id-Difiża qalet l-imputat ilu Malta u m’għandux interess li jaħrab.
Qalet kif l-akkużat ġietu ġurnata ħażina u żbalja.
Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat.
Qalet li hemm dejjem il-biża’ tal-ħarba għaliex l-imputat m’għandu l-ebda rabtiet ma’ Malta u d-dokumenti li għandu huma kollha skaduti.
Il-Prosekuzzjoni spjegat ukoll kif hemm il-biża’ tal-intralċ tal-provi u li għalkemm il-vittma issa jinsab f’qagħda stabbli dan għadu ma xehedx.
Il-Prosekuzzjoni spjegat ukoll kif l-imputat dam ġimgħa u tlett ijiem biex instab f’Malta stess u għalhekk qalet kif jekk jingħata l-ħelsien mill-arrest jekk ifettillu jinħeba, jidher li għandu l-għarfien ta’ kif jagħmel dan.
Ġie nnutat ukoll li fuq persuntu waqt l-arrest, il-Libjan kellu arma fuqu.
Hawnhekk id-Difiża wieġbet li hawn ħafna jżommu mus fuqhom speċjalment dawk li jaħdmu fil-ġebel u għandhom użanzi antiki li jużawh biex jieklu.
Ara wkoll:
https://www.one.com.mt/2021/08/17/arrestat-libjan-brabta-mal-allegat-qtil-ftas-sliema-fis-6-ta-awwissu-1/