“Għandha ssir distinzjoni bejn il-libertà tal-kelma u l-hate speech, għaliex filwaqt waħda tinkoraġġixxi d-diskussjoni, l-oħra tkun qegħda biss tinċita l-vjolenza. Il-kliem li jintuża jagħmel differenza kbira.” Dan kien il-messaġġ ewlieni li l-MEP Maltija Miriam Dalli għamlet waqt diskussjoni fuq dan is-suġġett waqt is-Sessjoni Plenarja tal-Parlament Ewropew li qed issir bħalissa fi Strasburgu.
Is-suġġett ta’ hate Speech kien suġġett propost għad-diskussjoni mis-Soċjalisti u Demokratiċi li jemmnu li hemm bżonn li tinħoloq kuxjenza akbar u tkun indirizzata l-ħsara li tiġi kkawżata minn dan it-tip ta’ diskors.
Dr Dalli sostniet li filwaqt li hu rikonoxxut li l-libertà tal-espressjoni hu dritt fundamentali u suprem, dan ma jfissirx li hu dritt infinit.
Sostniet li l-libertà tal-espressjoni tieqaf tkun dritt meta din tkisser persuna.
‘Il-libertà tal-espressjoni jieqaf ikun dritt fundamentali il-mument żgħażagħ trans jew gay ikunu attakkati b’mod li jwassalhom jikkommettu suwiċidju. Ma jibqax dritt il-mument li l-vjolenza domestika ssir suġġett ta’ ċajt goff. Jieqaf ikun dritt il-mument li tinċita lin-nies joqtlu lil xi ħadd minħabba t-twemmin politiku tagħhom,’ qalet Dr Dalli.
L-MEP Maltija żiedet tgħid li ma nistgħux nibqgħu indifferenti quddiem każijiet li jippromovu l-intolleranza u jinċitaw il-mibgħeda, għax “dak ikun il-mument meta l-poplu jieqaf jinteressa ruħu u l-mibgħeda ssir l-ordni tal-ġurnata”.
Bħala n-negozjatur ewlieni tas-Soċjalisti għar-rapport ta’ implimentazzjoni kontra l-abbuż u l-esplojtazzjoni tat-tfal u l-abbuż online, hi rrimarkat li fadal ħafna xi jsir.
‘Każijiet ta’ hate speech u cyberbullying fost l-oħrajn qed iwasslu biex żgħażagħ u minuri jagħmlu ħsara lilhom infushom jew ikollhom problemi ta’ self-esteem, filwaqt li ċertu każijiet anke wasslu għal suwiċidji u problemi ta’ saħħa mentali. Il-Gvernijiet, is-soċjetà ċivili u l-industriji tal-internet iridu jingħaqdu flimkien u jaħdmu b’mod konġunt fosthom permezz ta’ aktar edukazzjoni, appoġġ lill-vittmi u pieni lil dawk li jinstabu ħatja.’
Fil-ġimgħat li ġejjin, l-MEP Maltija mistennija tippreżenta emendi u proposti dwar kif l-Unjoni Ewropea tista tindirizza b’mod aktar effettiv din il-problema.