L-avveniment popolari Levant Music Festival se jiġi organizzat nhar il-Ġimgħa li ġej, 13 ta’ Settembru, fl-inħawi tal-Gozo Heliport, fix-Xewkija, kif sar fi snin preċedenti.
Dan il-festival, li jibda mid-disgħa ta’ filgħaxija, hu sponsorjat mid-Direttorat għall-Wirt Kulturali fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar.
Shawn Schembri, wieħed mill-organizzaturi tal-Levant Music Festival, qal li din is-sena wkoll Tribali se jkunu l-mistednin speċjali u mistennija jagħtu prestazzjoni mill-aqwa u esklussiva f’Għawdex.
Dan minbarra li jieħu sehem ukoll il-grupp Għawdxi Chasing Pandora, filwaqt li d-DJ popolari Ziggy jagħlaq il-festival.
Wieħed mill-kantanti tal-grupp Tribali, Peter Paul Galea, tenna kif, sena wara sena, Tribali jkun ħerqan li jdoqq fil-“Gżira tat-Tliet Għoljiet”, li hi tassew għal qalbhom.
“Ridna nkunu ċerti li darba fis-sena nagħmlu kunċert spettakolari fil-gżira sabiħa ta’ Għawdex u, fil-fatt, din żammejniha sena wara sena. Daqqejna f’ħafna lokalitajiet sbieħ. Nistiednu lill-Għawdxin u anke lill-Maltin u jaqsmu magħna din l-esperjenza mużikali.”
Peter Paul Galea – membru ta’ Tribali
Il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar, Clint Camilleri, tenna li, permezz ta’ dan il-festival, se jkun qed jinżel is-siparju fuq il-kalendarju kulturali vast li tħejja għall-gżira għal matul is-sajf.
Hu qal li, matul l-aħħar 12-il ġimgħa, f’kull rokna tal-gżira ġiet organizzata attività, b’total ta’ mija u tletin dan is-sajf.
Il-Ministru Camilleri sostna wkoll li, issa li l-istaġun sajfi kważi spiċċa, ħarsithom iddur lejn attivitajiet oħrajn, hekk kif ukoll għaddejjin, fost oħrajn, it-tħejjijiet fuq l-istaġun operistiku Għawdxi, kif ukoll dak relatat mal-Milied, li huma tant sinonimi ma’ Għawdex.