Joseph Bajada ta’ erba’ u sittin sena mix-Xagħra Għawdex u magħruf bħala l-Leslies ġie kkundannat ħames snin ħabs wara li nstab ħati ta’ traffikar ta’ droga eroina disa’ snin ilu.
Il-każ beda jiġi investigat mill-Pulizija b’rabta ma’ investigazzjoni li kienet qed tagħmel dwar traffikar tad-droga eroina, bil-pulizija tordna l-arrest tal-akkużat wara li ħames persuni ddikjaraw magħha b’mod separat li kienu qed jixtru l-eroina minn għandu.
Fil-Qorti l-Ispettur Josric Mifsud xehed li fi tfittxija li saret f’daru fix-Xagħra, instab pakkett bl-eroina fil-ħoġor tat-tieqa tal-kamra tas-sodda.
Fost dawk li xehdu kontrih persuna li kien intrikeb mill-vizzju tad-droga li stqarr li kien jixtriha mingħandu għal LM10 (€23). Qal li min bħalu kien mirkub mill-vizzju kien jaqbillu jixtriha minn Malta flok minn Għawdex għax minn gramma kienu joħorġu disa’ pakketti.
Fid-deċiżjoni tagħha, il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Joe Mifsud qieset ħames stqarrijiet ġuramentati li saru quddiem il-maġistrat inkwerenti u li kienet konvinta li d-droga kienu qed jixtruha migħand Bajada.
Il-Maġistrat Mifsud innota wkoll id-dewmien fil-każ u li r-reati li Bajada kien instab ħati tagħhom huma serji ħafna u qed jirrovinaw is-soċjetà Maltija.
Sostna li l-flaġell tad-droga qed jinxtered f’forom u dimensjonijiet li jimpressjonawk u li quddiem fenomenu bħal dan iħoss il-ħtieġa li juri n-niket t-tħassib tiegħu dwar il-periklu għaż-żgħażagħ u għall-adoloxxenti.
Tkellem dwar il-ħtieġa ta’ aktar kordinazzjoni bejn il-Forzi tal-Ordni f’Malta u Għawdex biex bla ħniena jikinsu t-toroq Għawdxin minn min qiegħed jeqred tant familji b’għemilhom.
Fid-deċizjoni tiegħu, il-Maġistrat Mifsud ordnat lill-ħati jħallas aktar minn sitt elef u ħames mitt ewro f’multi u spejjeż tal-qorti u l-konfiska tal-flejjes u l-proprjetajiet tal-ħati.