Għal jum ieħor, il-klinika mobbli li qed iddur Malta biex tagħti l-vaċċin kontra l-COVID-19 mingħajr appuntament, rat bosta persuni jikkonkorru biex jitlaqqmu.
Sa minn kmieni filgħodu f’San Ġiljan, mijiet inġabru jistennew bid-dokumentazzjoni f’idejhom biex jieħdu l-vaċċin.
ONE News bakkar fl-Università ta’ Malta fejn iltaqa’ mal-uffiċjali tal-Aġenzija għall-Infurzar Lokali, responsabbli mid-distribuzzjoni tal-vaċċin.
Ta’ kuljum, uffiċjali tal-LESA qed jgħinu fil-proċess biex fl-inqas ħin possibbli, iwasslu l-kunsinji tal-vaċċin għal fejn tkun il-klinika mobbli.
Il-Kap Eżekuttiv tal-LESA, Svetlick Flores spjega li sa issa, l-uffiċjali tal-LESA għamlu mal-ħamsin vjaġġ.
Qal, “L-uffiċjali hekk kif iħalltu l-vaccine isuqu mill-ewwel għall-post fejn ikun qed jingħata t-tilqim fiċ-ċentri mobbli biex b’hekk jasal on time. Dan ifisser li dan huwa proċess sensittiv fis-sens anke kif nafu l-problema tat-traffiku tal-pajjiż għaldaqstant wieħed irid jikkopera bħala pubbliku li meta jara vettura tal-aġenzija għaddejjin partikolarment f’dawn iż-żminijiet ifisser li psossibilment ikunu qed jittrasportaw dan il-vaċċin daqstant importanti li għandu jgħina biex noħorġu mill-pandemija.”
Meta flimkien mal-uffiċjali tal-LESA wasalna fuq il-post, f’San Ġiljan, stajna nsegwu l-andament mgħaġġel tat-tilqim għal dawk kollha li kienu qed jistennew.
ONE News tkellem ma’ Dr Gabriella Gatt, li spjegat x’għandu jieħu min imur biex jitlaqqam mingħajr appuntament.
Spjegat li l-vaċċin li qed jingħata fil-klinika mobbli huwa dak tal-Johnson and Johnson, filwaqt li min għandu inqas minn tmintax-il sena, qed jingħata l-Pfizer.
Qalet, “Importanti li jġibu magħhom xi evidenza li qed jgħixu Malta. Jiġifieri jew xi permess ta’ residenza, jew ID Card jew xi kont tad-dawl, xi kuntratt li qed iħallsu xi renta, biex ngħaġġlu u meta niġu biex nirreġistrawhom ma neħlux.”
Intant, tul il-jum tat-Tnejn, meta l-klinika mobbli bdiet topera mill-Mosta, ingħataw elfejn, erba’ mija u wieħed u sittin tilqima.
Jumejn wara, fiż-Żejtun, ingħataw elf, tmien mija u erbgħa u għoxrin tilqima.
Il-Ġimgħa f’San Ġiljan, ingħataw elfejn, tliet mija u wieħed u ħamsin.
Meta wieħed jgħodd ukoll it-tilqim li kien qed jingħata fiċ-ċentru tal-Università ta’ Malta u fl-Aurora fir-Rabat Għawdex, b’kollox din il-ġimgħa ingħataw tmint elef, tliet mija u tlieta u għoxrin tilqima mingħajr appuntament.