Il-lokalitajiet f’pajjiżna se jibbenefikaw minn investiment ta’ madwar €3 miljun, li se jkunu ġejjin mit-taħrikiet miġburin matul is-sena mill-entità tal-Gvern, il-LESA. Dan se jkun qed iseħħ wara t-tiġdid ta’ ftehim ieħor bejn l-entità u l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali.
Dan l-investiment tħabbar mill-Ministru għall-Intern, Byron Camilleri, u s-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli.
Waqt l-iffirmar tal-ftehim il-ġdid, il-Ministru Camilleri tenna li l-LESA kontinwament se tibqa’ tinvesti fil-komunitajiet u r-reġjuni bil-għan li jwettqu iżjed proġetti għat-tisħiħ tas-soċjetà u l-kwalità tal-ħajja.
Il-Ministru kompla jisħaq li, minbarra l-obbligu tal-entità li tassigura sigurtà akbar fit-toroq tagħna, qed twassal għal titjib fl-ambjent lokali bi ftuħ ta’ spazji għall-familji, bħal dog parks, cat cafes u għas-separazzjoni tal-iskart, fost oħrajn.
Sostna li l-għan tal-aġenzija u l-Gvern mhux li jsir xi qligħ mit-taħrikiet u għaldaqstant hemm l-impenn li dawn il-flejjes jiġu investiti lura fil-komunità bi proġetti li jibbenefika minnhom il-pubbliku inġenerali.
“L-għan hu li ninvestuhom lura fil-komunitajiet tagħna. Qed ningħaqdu mal-kunsilli lokali għax nemmnu li huma l-aktar li jafu l-lokalitajiet tagħhom u nħeġġuhom biex iressqu ’l quddiem diversi proġetti f’kategoriji differenti. Jekk huma marbutin mas-sigurtà, marbutin f’ambjent aħjar, spazji miftuħa ġodda, jew fit-trasporti alternattivi jew trasport nadif ġdid biex jassisti lir-residenti f’dik il-lokalità. Dawn huma proġetti li jistgħu jtejbu l-ħajja u l-kwalità tal-ħajja fil-komunitajiet tagħna.”
Tali investimenti wkoll intużaw biex jinxtraw karozzi elettriċi mill-kunsilli jew ir-reġjuni bħala mezz ta’ trasport effiċjenti għar-residenti anzjani tagħhom.
Is-Segretarju Parlamentari Zerafa Civelli qalet li dawn huma proġetti għall-użu tal-komunitajiet li jsarrfu fi frott ta’ ftehim li kien sar bejn l-aġenzija LESA u l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali.
“Din l-inizjattiva u l-kollaborazzjoni bejn l-Assoċazzjoni tal-Kunsilli Lokali u l-aġenzija LESA ħarġu b’dan il-pjan, b’din il-proposta, li jkunu l-kunsilli lokali li jipproponu proġetti li jistgħu jibbenefikaw minnhom ir-residenti u allura l-lokalità inġenerali.”