Lejliet l-ewwel tas-sena huwa sinonimu maċ-ċelebrazzjonijiet li jsiru biex tingħalaq is-sena u tibda waħda ġdida. Iżda filwaqt li bosta jkunu mheddijin jiċċelebraw, ħaddiema tal-korpi dixxiplinati jkunu għaddejjin b’xogħolhom sabiex jassiguraw fost oħrajn li t-toroq jinżammu siguri.
Dwar dan tkellimna ma’ Svetlick Flores il-Kap Eżekuttiv ta’ LESA li tkellem dwar il-presenża tal-Uffiċjali tal-Komunità fit-toroq sabiex jassiguraw li ma jsirux diżgrazzji.
Huwa tenna, “Naraw li jkollna aktar preżenza fit-toroq biex naraw li kemm jista’ jkun ma jkollniex sewqan taħt l-effett tal-alkoħol. Dan isir permezz ta’ infurzar fit-toroq, li jsir anke bl-użu tal-breathalyzer equipment li naraw li dak li jkun ma jkunx qed isuq b’livell eċċessiv ta’ alkoħol.”
Flores appella sabiex f’dawn il-jiem jekk wieħed jixrob xi grokk żejjed jagħżel li ma jsuqx u b’hekk jasal id-dar qawwi u sħiħ filwaqt li jżomm it-toroq siguri għal ħaddieħor.
Flores qal, “L-appell tiegħi għal waqt dawn iż-żminijiet ta’ festi huwa biex kemm jista’ jkun joqgħod moderat fejn jidħol il-konsum tal-alkoħol, kif ukoll, jekk wieħed ikun se jixrob l-importanti li ma jsuqx. Illum hawn ħafna mezzi ta’ trasport alternattiv u b’hekk wieħed ikun ċert li se jkompli jgawdi l-festi mal-kumplament tal-familja tiegħu.”