Fl-ewwel tliet xhur ta’ din is-sena l-Aġenzija tal-Infurzar lokali l-LESA tat l-assistenza f’inċident fit-triq għal elfejn, mitejn, tlieta u ħamsin darba.
Il-Kap Eżekuttiv tal-LESA, Svetlick Flores spjegalna li l-għajnuna tingħata meta jkun hemm ħabta bejn karozza u oħra. Hu spjegalna wkoll kif malli l-uffiċjali jaslu fuq il-post, u jkun hemm persuna feruta, il-każ mal-ewwel jiġi riferut lill-Pulizija.
Jekk il-każ ikun jista’ jitkompla bl-uffiċjali tal-LESA stess, jieħdu d-dettalji li jkollhom bżonn qabel jgħadduha kollha lill-kumpanija tal-assigurazzjoni tal-klijent.
Flores qalilna, “Meta klijent ikollu aċċident bil-vettura ma’ vettura oħra, aħna mmoru fuq il-post naraw id-dinamika ta’ aċċident, nieħdu r-rapporti neċessarji biex imbagħad minn hemmhekk ikunu nistgħu nnaqsu l-konġestjoni tat-traffiku mit-toroq tal-pajjiż.”
Flores stqarr magħna li meta tintalab l-għajnuna l-uffiċjali tal-LESA jippruvaw ikunu fuq il-post f’inqas minn nofsiegħa.
Huwa tenna: “Bħala agenzija naraw li kull każ nittrattawh f’inqas minn nofsiegħa. Dak huwa t-timeline li għadna bħalissa addottat. Huwa pjanat ukoll li fil-futur dan it-timeline nippruvaw inqassru kemm jista’ jkun biex b’hekk il-klijent ma jdumx jistenna fuq il-post.”
Huwa appella għal aktar attenzjoni fit-triq biex jonqsu kemm l-inċidenti u anke l-konġestjoni tat-traffiku.
Flores temm jgħid: “Importanti primarjament illi nsuqu bil-galbu biex kemm jista’ jkun niffrankaw l-inċidenti għaliex l-inċidenti ħadd ma jieħu pjaċir bihom għaliex kollha jġibu skumdità. Fl-aħħar mill-aħħar jekk ikollok il-karozza li inti tkun qed tużaha bħala parti mill-ħajja tiegħek u biex taqla’ l-ħobża ta’ kuljum, meta inti jkollok aċċident ovvjament dak ħa jaffettwalek anke forsi l-income tiegħek.”