It-tennista Spanjol ta’ 38 sena Rafael Nadal, li ilu fix-xena internazzjonali għall-aktar minn 20 sena u rebaħ 22 titlu Grand Slam, nhar it-Tnejn sellem għall-aħħar darba lit-tennis court hekk kif inqala’ mit-Tazza Davis b’telfa 6-4, 6-4 kontra l-Olandiż Botic van de Zandschulp.
Bid-dmugħ f’għajnejh u f’arena mimlija emozzjoni, Nadal għamel ringrazzjament speċjali lis-segwaċi tal-appoġġ bla kundizzjoni li dejjem urewh tul il-karriera tiegħu.
Huwa qal li matul l-20 sena li ilu fil-logħba, il-partitarji garrewh fuq spallejhom, fejn għenuh jirbaħ fil-mumenti sbieħ u mbuttawh biex jibqa’ jippersisti fil-waqtiet ħżiena.
Tenna wkoll li jixtieq li jkun mfakkar bħala raġel twajjeb minn villaġġ żgħir f’Mallorka għax hu kien tifel li kellu ħolma u ħadem kemm felaħ biex jakkwistaha.
F’dak il-ħin intwera wkoll vidjo bl-aqwa mumenti tal-karriera prolifika tiegħu kif ukoll messaġġi minn tennisti attwali u rtirati inkluż l-akbar rivali tiegħu Roger Federer u Novak Djokovic.
Nadal kien deher l-ewwel darba fil-French Open bħala żagħżugħ fl-2005 u telaq bħala champion fejn irnexxielu jirbaħ il-kompetizzjoni numru rekord ta’ erbatax-il darba bl-aħħar darba tkun fl-2022 biex ikun l-aħħar kampjonat maġġuri fil-karriera tiegħu.