Id-difensur leġġendarju tat-tim Inġliż ta’ Liverpool Jamie Carragher u ibnu James, li jilgħab mat-tim Ingliż ta’ Wigan Athletic, ingħataw iċ-ċittadinanza Maltija. Dan fuq il-bażi li n-nannu u omm Jamie Carragher huma Maltin.
Sorsi tal-Gvern ikkonfermaw mat-Times li Jamie Carragher, ingħata ċ-ċittadinanza permezz ta’ reġistrazzjoni li, fost kriterji oħra, teħtieġ li l-applikant ikun dixxendent dirett ta’ xi ħadd imwieled Malta.
Paul Vassallo, li hu n-nannu ta’ Carragher twieled Ħal Qormi u kien iżżewweġ mara Ingliża. Huma kellhom tifla Paula, u telgħu jgħixu l-Ingilterra. Paula hi omm l-eks plejer tat-tim ta’ Liverpool.
Il-President tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Futbol, l-MFA, Bjorn Vassallo, saħaq li jista’ jkun hemm il-possibilità, li James Carragher jilgħab għat-tim Nazzjonali Malti, dan minħabba li bħalissa għaddejjin diversi diskussjonijiet miegħu u ma’ missieru.