Mill-4 t’April li ġej, il-familji Maltin u Għawdxin se jgawdu minn żieda ta’ erbat ijiem fil-Leave Urġenti tal-Familja, minn 15-il siegħa li hemm bħalissa. Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet mis-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali, Andy Ellul.
Din hi miżura oħra fil-manifest elettorali ‘Malta Flimkien’ u saħansitra taqbeż dak li kien imwiegħed mill-Partit Laburista.
Il-ħaddiema jistgħu jużaw dan il-leave urġenti meta jkollhom bżonn jieħdu ħsieb qarib fil-familja, fosthom meta ġenituri jkollhom it-tfal ma jifilħux, biex jassistu lill-ġenituri tagħhom mhux biss f’każ ta’ mard, imma wkoll meta jkollhom bżonn għajnuna urġenti għax jinqalagħlhom xi ħaġa fir-residenza tagħhom.
Dan il-leave se jgawdu minnu wkoll dawk li għandhom kustodja legali ta’ minuri, kif ukoll bejn l-aħwa f’każ dejjem ta’ urġenza.
F’dawn il-każi jrid jiġi informat min iħaddem, li min-naħa tiegħu għandu dritt jitlob għal ċerti verifiki, biex b’hekk ikun ikkontrollat l-abbuż.
Is-Segretarju Parlamentari qal li din il-miżura tolqot lill-ħaddiema u lill-familji tagħhom, waqt li wkoll tnaqqas il-piż mill-ħaddiema.
“Din ħa tagħmel differenza fil-ħajja tan-nies, għax m’għandekx għaliex toqgħod tistenna l-approvazzjoni tal-leave. Ovvjament, għandu jkun informat min iħaddmek, imma naħseb li din se tkompli tibni biex anke nsaħħu l-bilanċ bejn id-dinja tax-xogħol u l-ħajja privata u hu b’dan il-mod li jsiru l-miżuri, li jsaħħu dan il-bilanċ mal-imsieħba soċjali.”
Is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul
Dan il-leave se jinqasam ugwali bejn il-leave annwali u s-sick leave.
Dr Ellul spjega li dan qed iseħħ hekk kif saru diskussjonijiet u kien hemm qbil mal-imsieħba soċjali, mat-trade unions u mar-rappreżentanti ta’ min iħaddem quddiem il-Bord tar-Relazzjonijiet tal-Impjieg.